In-numru ta’ immigranti li waslu l-Italja mill-Afrika ta’ Fuq kien numru rekord. Il-Ministeru tal-Intern qal li t-total ta’ immigranti li daħlu f’dan il-pajjiż din is-sena, s’issa huwa ta’ iktar minn 171,000.
Ir-rekord preċedenti kien dak ta’ 170,000, numru li kien irreġistrat sentejn ilu. In-Nazzjonijiet Magħquda qalet li madwar 4,690 migrant mietu jew spiċċaw nieqsa huma u jippruvaw jaqsmu l-Mediterran fl-2016, li kien l-akbar numru fl-aħħar snin.
Il-wasliet fl-Italja qed ikomplu jitfgħu pressjoni fuq is-sistema tal-ażil tal-pajjiż kif ukoll fuq l-Unjoni Ewropea hekk kif aktar pajjiżi qed jesperjenzaw żieda fin-numru ta’ immigranti.
L-imigrazzjoni se tkun propju fiċ-ċentru tad-diskussjonijiet u waħda mill-prijoritajiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’pajjiżna, speċifikament ir-Riforma fis-sistema Ewropea tal-Ażil bl-għan li jkollna sistema Ewropea Komuni biex il-piż jitqassam b’mod aktar ġust fost l-Istati Membri.