Fis-sena 2024, saru numru kbir ta’ elezzjonijiet madwar id-dinja, li fil-maġġoranza tagħhom waslu biex inbidlu gvernijiet, kif ukoll raw ukoll żieda fil-popolarità tal-lemin estrem.
F’Novembru saret l-elezzjoni Presidenzjali fl-Istati Uniti, li waslet biex Donald Trump se jerġa’ jsir President ta’ dan il-pajjiż. Dan wara li rebaħ lill-kandidata tad-Demokratiċi, Kamala Harris. B’dan ir-riżultat fisser li Trump se jerġa’ jkun fil-White House, wara li diġà mexxa l-Istati Uniti bejn l-2017 u l-2021.
Fir-Renju Unit, il-Konservattivi tilfu l-Gvern wara 14-il sena u l-Partit Laburista, immexxi minn Sir Keir Starmer, ġab il-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet fil-House of Commons. Bil-Partit Laburista iġib 412-il siġġu fil-Parlament Brittaniku, waqt li l-Partit Konservattiv ġab 121 siġġu.
Il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea vvotaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, li saru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju li għadda. Din l-elezzjoni saret biex jintagħżlu s-seba’ mija u għoxrin membru Parlamentari Ewropew.
Il-Partit Popolari Ewropew ġab l-iżjed siġġijiet u warajh kien hemm il-Partit Soċjalista Ewropew. Dan filwaqt li kien hemm żieda f’dawk il-partiti tal-lemin estrem, waqt li l-partiti taċ-ċentru u l-ħodor naqsu fl-appoġġ tagħhom. F’Malta, din l-elezzjoni saret is-Sibt 8 ta’ Ġunju, fejn kellhom jintgħażlu s-sitt membri Parlamentari Ewropej f’isem pajjiżna. Għall-Partit Laburista, ġew eletti Alex Agius Saliba, Daniel Attard u Thomas Bajada, waqt li f’isem il-Partit Nazzjonalista ġew eletti Roberta Metsola, Peter Agius u David Casa.
Fl-istess jum, iċ-ċittadini Maltin ivvotaw fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali. Hawnhekk rebaħ ukoll il-Partit Laburista u ġab distakk ta’ iżjed minn 20,000 vot. Fil-lokalità ta’ Bormla, bla preċedent, il-Partit Laburista kiseb il-ħames siġġijiet kollha.
Ir-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew wassal biex il-President Franċiż, Emmanuel Macron, kellu jsejjaħ elezzjoni bikrija. Din l-elezzjoni waslet biex il-koalizzjoni bejn il-partiti tax-xellug ġabet l-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament Franċiż. Dan ir-riżultat kien wieħed sorpriża, hekk kif fl-ewwel rawnd ta’ voti, il-partit tal-lemin estrem kellu vantaġġ.
Fil-Belġju, mal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew saru wkoll dawk nazzjonali u reġjonali. Bil-Partit Liberali ta’ Alexander de Croo jitlef it-tliet elezzjonijiet u jirriżenja.
Saret ukoll l-elezzjoni fl-Awstrija, bil-partit tal-lemin estrem iġib l-akbar ammont ta’ siġġijiet fil-Parlament nazzjonali, iżjed ukoll mill-partit tal-Kanċillier Karl Nehammer.
F’Marzu saret ukoll l-elezzjoni fir-Russja u kif mistenni, il-President Vladimir Putin ġab il-maġġoranza assoluta, b’total ta’ aktar minn tmienja u tmenin fil-mija tal-voti.
Hu stmat li madwar erba’ biljun persuna, ekwivalenti għal nofs il-popolazzjoni dinjija, kienu eliġibbli biex jivvotaw f’xi elezzjoni jew oħra.