Fl-elfejn tnejn u għoxrin, il-pożizzjoni tal-istokk tal-investiment dirett barrani żdied bi tmienja u tletin biljun ewro, meta mqabbel ma’ għeluq is-sena ta’ qabel, jiġifieri l-elfejn wieħed u għoxrin.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li fl-elfejn tnejn u għoxrin, anke fl-isfond tal-akbar sfidi internazzjonali, il-pożizzjoni tal-istokk tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna kienet ta’ aktar minn erba’ mija, u sittin biljun ewro (€460.8 biljun).
Dan filwaqt li sena qabel, fl-elfejn wieħed u għoxrin, l-istokk tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna kien jgħodd għal aktar minn erba’ mija u tnejn u għoxrin biljun ewro.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, sa Diċembru tal-elfejn tnejn u għoxrin, l-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni kienu jammontaw għal kważi tmienja u disgħin fil-mija tal-istokk ta’ investiment dirett barrani f’pajjiżna.
Dawn iċ-ċifri ġew irreġistrati fis-sena meta pajjiżna beda jirkupra mid-daqqa tal-pandemija, hekk kif fil-bidu tas-sena kien għad hemm restrizzjonijiet imposti tal-COVID-19 u bdiet l-invażjoni Russa fl-Ukrajna, li ħolqot il-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni fil-kontinent Ewropew.
Fiż-żewġ okkażjonijiet, pajjiżna kien protett bl-aħjar mod possibbli, grazzi għad-deċiżjonijiet għaqlin tal-Gvern.