Sa Ġunju tas-sena l-oħra, il-pożizzjoni tal-istokk tal-investiment dirett barrani żdied b’aktar minn sitta u tletin biljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu sena qabel.
Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Jirriżulta li f’Ġunju li għadda, il-pożizzjoni tal-istokk tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna kienet ta’ aktar minn erba’ mija sebgħa u sebgħin biljun ewro.
Dan filwaqt li f’Ġunju tal-elfejn tnejn u għoxrin, l-istokk tal-investiment dirett barrani f’pajjiżna kien jgħodd għal aktar minn erba’ mija wieħed u erbgħin biljun ewro.
Skont l-NSO, ħareġ li sa Ġunju li għadda, l-attivitajiet finanzjarji u tal-assigurazzjoni kellhom l-akbar sehem u kienu jammontaw għal aktar minn sebgħa u disgħin fil-mija tal-istokk tal-investiment dirett barrani.
Dawn iċ-ċifri pożittivi ġew irreġistrati fi żmien ta’ sfidi internazzjonali, kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna, li waslet għall-kriżi tal-enerġija u l-inflazzjoni.