Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena żaru pajjiżna aktar minn mija u tnejn u sebgħin elf persuna, skont ċifri mill-NSO, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika.
Hawnhekk ħareġ kif, f’Jannar li għadda, kien hemm żieda ta’ kważi sitta u tletin elf persuna, jew żieda ta’ aktar minn sitta u għoxrin fil-mija meta mqabbel mal-istess xahar sena qabel, li hu l-aħħar rekord f’dan ir-rigward wara l-irkupru sħiħ mill-pandemija.
Skont dawn iċ-ċifri tal-NSO, f’dan ix-xahar inkwistjoni, l-akbar ammont ta’ turisti waslu mill-Italja u r-Renju Unit bi kważi tletin elf persuna.
Wara jsegwu dawk mill-Polonja, li kien wieħed mill-aktar swieq li kibru b’rata mgħaġġla fl-aħħar żminijiet, mill-Ġermanja u Franza.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ kif l-akbar għadd ta’ turisti kellhom bejn il-ħamsa u għoxrin u l-erbgħa u erbgħin sena, waqt li warajhom kien hemm dawk li għandhom bejn il-ħamsa u erbgħin u l-erbgħa u sittin sena.
Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, in-nefqa tat-turisti kienet ta’ aktar minn mija u disa’ miljun ewro. Dan hu wkoll kważi ħdax fil-mija aktar mis-sena l-oħra, li jfisser li l-kwalità tat-turisti li qed jagħżlu lil pajjiżna qed ikompli jitjieb ukoll.
Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, it-turisti li żaru Għawdex jew Kemmuna, kemm dawk li marru għal ġurnata jew raqdu hemm f’xi akkomodazzjoni turistika, kienu jgħoddu għal kważi wieħed u sittin elf u ħames mija.