Il-gradwati fl-2021 żdiedu bi kważi 21% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, biex b’kollox gradwaw 5,597 persuna.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, hekk kif ġie spjegat li l-akbar porzjon ta’ gradwati mill-qasam terzjarju, kisbu kwalifikazzjoni ta’ Livell 6 li huwa ekwivalenti għal Baċellerat.
Dan filwaqt li kważi 32% tal-gradwati kisbu kwalifikazzjoni ta’ livell 7 li hija ekwivalenti għal Masters.
F’Livell 8, ekwivalenti għal Dottorat, is-sena li għaddiet kien hemm 130 gradwat. Żieda ta’ 64 gradwat jew 97% fuq is-sena ta’ qabel.
Il-maġġoranza tal-gradwati kienu nisa. Dawn ammontaw għal kważi 60% jew 3,341. Intant l-irġiel gradwati ammontaw għal 2,256. Fil-fatt, in-nisa gradwati qabżu lill-irġiel f’kull livell ta’ edukazzjoni terzjarja.
Intant il-maġġoranza assoluta tal-gradwati, jiġifieri 51.1%, kellhom bejn 20 u 24 sena.
63.2% tal-gradwati s-sena li għaddiet kisbu kwalifikazzjoni minn programm ta’ studju fuq bażi full-time. Dawn ammontaw għal 3,536 student. Dawk li gradwaw minn programm ta’ studju fuq bażi part-time ammontaw għal 2,061 student.
Il-gradwati barranin li gradwaw f’pajjiżna s-sena li għaddiet ammontaw għal 797. Dan jammonta għal 14.2% tal-gradwati kollha f’livell terzjarju. Minn dawn 68% kienu persuni minn barra l-Unjoni Ewropea.
Il-qasam li gradwaw l-aktar studenti minnhu kien dak tal-amministrazzjoni tan-negozju u l-liġi. Hawnhekk gradwaw kważi terz tal-gradwati kollha bi 30.7%. Il-qasam tal-edukazzjoni kien it-tieni l-aktar popolari b’16.8% tal-gradwati.