Minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li sal-ewwel erba’ xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda kemm fid-dħul kif ukoll fin-nefqa tal-Gvern.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li d-dħul tal-Gvern sal-aħħar ta’ April kien jgħodd €1,890.8 miljun. Dan ifisser żieda ta’ €295.6 miljun, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena li għaddiet.
Dan id-dħul rikurrenti żdied minħabba li hawn aktar nies jaħdmu u pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ nies jirreġistraw għax-xogħol fl-istorja tiegħu. Fix-xahar ta’ April, in-nies jirreġistraw kienu inqas minn elf .
Minn dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li l-akbar dħul tal-Gvern fl-ewwel erba’ xhur tas-sena ġie mit-taxxa tad-dħul, hekk kif il-Gvern daħħal kważi €730 miljun. Wara jsegwu l-ħlas tal-bolla u t-taxxa fuq il-valur miżjud; b’dawn it-tnejn flimkien jgħoddu għal €745 miljun.
Minn din l-istatistika tal-NSO ħareġ ukoll li, bejn Jannar u April ta’ din is-sena, anki n-nefqa rikurrenti tal-Gvern żdiedet meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan hekk kif kien hemm żieda ta’ kważi €74 miljun.
Din in-nefqa tinkludi żieda, fost oħrajn, ta’ €51.2 miljun biex il-prezzijiet tal-enerġija f’pajjiżna jinżammu stabbli fi żminijiet ta’ kriżi internazzjonali bla preċedent. B’hekk, il-familji u n-negozji ma jkolhomx iġorru huma l-piż tal-pressjoni internazzjonali fuq il-prezzijiet tal-enerġija.