F’Novembru li għadda, ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet l-aktar baxxa fl-istorja. Dan ġie kkonfermat minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn ir-rata ta’ qgħad f’pajjiżna baqgħet dik ta’ 2.5%, anke meta mqabbel ma’ xahar qabel, jiġifieri f’Ottubru 2023.
Skont iċ-ċifri tal-NSO, ħareġ li, meta mqabbel ma’ Novembru 2022, kien hemm nuqqas ta’ kważi nofs perċentwal, hekk kif f’dan ix-xahar imsemmi, ir-rata ta’ qgħad kienet ta’ 2.9%.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li f’Novembru li għadda, ir-rata tal-qgħad fost l-irġiel kienet ta’ 2.3%, waqt ir-rata fost in-nisa kienet ta’ 2.7%.
Din ir-rata baxxa ta’ qgħad fl-istorja ta’ pajjiżna ġiet irreġistrata f’perjodu fejn għaddejjin sfidi internazzjonali bla preċedent kawża tal-Gwerra fl-Ukrajna u anke xahar wara li bdiet il-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Skont l-aħħar tbassir ekonomiku għall-ħarifa tal-Kummissjoni Ewropea ħareġ li, minbarra li se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fl-Unjoni Ewropea fl-2023 u fis-sentejn ta’ wara, Malta se jkollha l-inqas rata ta’ qgħad minn fost l-istati membri kollha, waqt li din se tibqa’ waħda konsistenti.