Sa tmiem Lulju li għadda, il-Fond Konsolidat tal-Gvern irreġistra surplus ta’ aktar minn €60 miljun.
Dan ħareġ mill-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2023, meta l-Kaxxa ta’ Malta rreġistrat defiċit ta’ aktar minn tliet mitt miljun ewro, ifisser li kien hemm żieda ta’ aktar minn tliet mija u sittin miljun ewro fuq perjodu ta’ sena.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, fl-ewwel seba’ xhur tal-2024, id-dħul rikurrenti ammonta għal kważi erba’ biljuni u mitt miljun ewro. B’dan ifisser kważi sitt mija u sittin miljun ewro, ogħla minn dak li kien irrapportat sena qabel.
Skont l-NSO, l-aktar żidiet li kkontribwew fid-dħul tal-Gvern ġew irreġistrati fit-Taxxa tad-Dħul, b’żieda ta’ kważi tliet mija u sittin miljun ewro, segwita mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud u anke fis-Sigurtà Soċjali, b’riżultat tal-konsum privat u l-qasam tal-impjiegi b’saħħithom.
Dan filwaqt li, sa Lulju li għadda, l-investiment totali kien ta’ ftit iżjed minn erba’ biljun ewro, li wkoll ifisser żieda ta’ kważi tliet mitt miljun ewro, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.