Fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra, it-turisti li żaru pajjiżna kienu jammontaw għal aktar żewġ miljuni u tmin mitt elf turist. Dan ħareġ skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Dan l-ammont ta’ turisti sa Novembru li għadda jiżboq sew ir-rekord ta’ turisti li kienu ġew sal-ewwel ħdax-il xahar fl-elfejn u dsatax – is-sena ta’ qabel il-pandemija u s-sena li sa ftit ilu kienet meqjusa l-aħjar għas-settur turistiku.
Dan hekk kif meta dawn iż-żewġ perjodi jitqabblu, f’Novembru tas-sena l-oħra kien hemm żieda ta’ kważi mitejn elf turist li żaru pajjiżna.
Minn dawn iċ-ċifri joħroġ ukoll li b’dan l-ammont sa Novembru tas-sena l-oħra jiżboq ukoll in-numru ta’ turisti li ġew fis-sena 2019 kollha kemm hi. Dan hekk kif l-ammont sħiħ ta’ turisti li ġew ħames snin ilu kien ta’ aktar minn żewġ miljuni u seba’ mitt elf turist.
Skont l-NSO, in-nefqa tat-turisti fostna fl-ewwel ħdax-il xahar tas-sena l-oħra wkoll żdiedet u dan b’aktar minn erba’ mija u tletin miljun ewro, meta mqabbel ma’ erba’ snin qabel. In-nefqa mit-turisti f’pajjiżna sa Novembru li għadda kienet ta’ aktar minn żewġ biljuni u ħames mitt miljun ewro.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li anki l-iljieli f’pajjiżna s-sena l-oħra kienu aqwa minn dawk irreġistrati fl-elfejn u dsatax.
Dan hekk kif bejn Jannar u Novembru 2023 l-iljieli kienu jgħoddu għal dsatax-il miljun u mitt elf, b’żieda ta’ aktar minn tmien mija u erbgħin elf lejl imqabbel mal-2019.
Dawn iċ-ċifri jikkonfermaw l-irkupru sħiħ mill-pandemija globali li laqtet ferm lil dan is-settur fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Bl-elfejn tlieta u għoxrin tfisser li hi s-sena rekord għas-settur turistiku lokali.