Fit-tielet kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija Maltija kibret b’7.1%. Dan hekk kif, bejn Lulju u Settembru li għadda, il-Prodott Domestiku Gross ta’ pajjiżna kien jammonta għal €5.2 biljun.
Skont ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, kien hemm żieda ta’ €610.2 miljun, meta mqabbel mat-tielet kwart tas-sena l-oħra.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ li, sa Settembru ta’ din is-sena, l-ekonomija ta’ pajjiżna kienet ta’ sitta punt ħamsa fil-mija akbar minn dik irreġistrata fl-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan ifisser ukoll kważi darba u nofs aktar mit-tbassir ta’ erbgħa fil-mija, li kienu bassru istituzzjonijiet internazzjonali, fosthom il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, l-IMF.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika wkoll ħabbar li r-rata ta’ tkabbir ekonomiku qed tkun riveduta ’l fuq u bil-kbir.
Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, l-ekonomija kibret b’6.4%, waqt li kien stmat li t-tkabbir kien ta’ ftit iżjed minn tlieta fil-mija.
Fit-tieni kwart tas-sena, it-tkabbir ekonomiku kien ta’ kważi sitta fil-mija, meta qabel kien imbassar li l-ekonomija f’dan il-perjodu kellha tikber b’erbgħa fil-mija.
B’reazzjoni għal din l-aħħar, fuq il-midja soċjali, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza kif l-ekonomija Maltija qed tikber b’iżjed minn dak li kien qed jiġi mbassar.
Dr Abela sostna li l-Gvern immexxi minnu se jkompli jipproteġi lill-familji u n-negozji miż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, waqt li jsaħħaħ id-domanda domestika u l-esportazzjoni.
Sadanittant, meta wieħed iħares lejn dawk is-setturi li qed iwasslu għat-tkabbir ekonomiku f’pajjiżna, jirriżulta li kważi 40% tat-tkabbir ġej mis-servizzi professjonali u amministrattivi. Waqt li 40% oħra ġew mis-setturi bl-imnut, tal-ospitalità u tas-servizzi finanzjarji. Kien hemm kontribut qawwi wkoll mir-remote gaming.
Il-konsum privat xpruna t-tkabbir ekonomiku, fejn kważi sittin fil-mija tat-tkabbir ekonomiku kien dovut għal konsum akbar mill-familji.
Meta titqabbel l-attività ekonomika fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena mal-istess perjodu tal-elfejn u dsatax, jirriżulta li l-ekonomija llum hi mal-għoxrin fil-mija akbar.
Dawn iċ-ċifri pożittivi għall-ekonomija Maltija qegħdin jiġu rreġistrati f’perjodu ta’ sfidi internazzjonali kbar, fosthom bil-Gwerra fl-Ukrajna, li ġabet magħha kriżi tal-enerġija u inflazzjoni, u anke issa bil-Gwerra fil-Lvant Nofsani.
Dan wassal biex il-Gvern, immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela, ħaddan politika ta’ stabilità biex il-prezzijiet tal-enerġija m’għolew xejn għall-familji u n-negozji, l-uniku pajjiż fl-Unjoni Ewropea.