Fl-elfejn tnejn u għoxrin, il-ħarsien soċjali baqa’ fiċ-ċentru tan-nefqa tal-Gvern.
Dan joħroġ minn ċifri uffiċjali ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istastika, l-NSO, li wrew li fl-elfejn tnejn u għoxrin, in-nefqa totali tal-Gvern Ċentrali kienet ta’ kważi sitt biljuni u disa’ mitt miljun ewro, żieda ta’ mitejn u disgħin miljun ewro fuq is-sena ta’ qabel l-elfejn wieħed u għoxrin.
Bħala persentaġġ tal-Prodott Gross Domestiku, in-nefqa tal-Gvern fl-elfejn tnejn u għoxrin kienet ta’ disgħa u tletin fil-mija, tnaqqis mit-tnejn u erbgħin fil-mija fl-elfejn wieħed u għoxrin.
Hawnhekk in-nefqa fuq il-ħarsien soċjali baqgħet l-ogħla waħda, fejn qabżet il-biljun u sebgħa mitt miljun ewro. Żieda ta’ aktar minn mija u għaxar miljun ewro fuq l-elfejn wieħed u għoxrin, biż-żieda ewlenija rrapportata fil-benefiċċji soċjali.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juri li, b’kollox, intefqu biljun u nofs ewro fuq affarjiet ekonomiċi, żieda ta’ mija u tlettax-il miljun ewro fuq l-elfejn wieħed u għoxrin.
Minnhom, tliet mija u tnax-il mijun ewro kienu għal inizjattivi ta’ għajnuna għall-enerġija biex jilqgħu għall-effetti tal-kriżi internazzjonali. Dan wara li mill-bidu tal-elfejn tnejn u għoxrin, il-Gvern ħa d-deċiżjoni li jerfa’ hu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-elettriku u l-fuels u jżommhom stabbli għall-familji u n-negozji, differenti minn pajjiżi oħrajn.
L-istess ċifri wrew ukoll li l-ammont ta’ mija u ħames miljun ewro ntefqu fuq miżuri tal-Gvern marbutin mal-pandemija tal-COVID-19 fis-sena li kienet għadha bil-miżuri ta’ restrizzjonijiet.
Minbarra hekk, iċ-ċifri uffiċjali juru li kważi mija u ħamsin miljun ewro ngħataw għal inzjattivi li appoġġjaw ir-ristrutturar tal-linja nazzjonali tal-ajru.
L-infieq fuq is-saħħa laħaq id-disgħa mija u sitta u sittin miljun ewro, li jammonta għal erbatax fil-mija tan-nefqa totali, filwaqt li n-nefqa fuq l-edukazzjoni, segwiet bi tmien mija u tlieta u sebgħin miljun, kważi tlettax fil-mija tan-nefqa totali tal-Gvern.
L-NSO qal li ż-żieda fin-nefqa tal-edukazzjoni kienet ġejja l-aktar minn żidiet lill-ħaddiema, fost oħrajn.