Sal-aħħar tas-sena l-oħra, in-numru ta’ ħaddiema f’pajjiżna kienu jammontaw għal rekord ta’ 305,218.
Dan ħareġ mill-Istħarriġ dwar is-Suq tax-Xogħol, li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Minn dawn iċ-ċifri joħroġ li, meta mqabbel ma’ sena qabel, kien hemm żieda ta’ kważi għaxart elef persuna f’impjieg.
L-NSO qal li ċ-ċifri tas-sena l-oħra juru li erbgħa u sittin fil-mija tal-popolazzjoni kollha li għandhom ħmistax-il sena jew aktar kienu f’impjieg.
Minn dan l-ammont, jirriżulta li aktar minn mitejn, tmienja u sittin elf persuna kienu qed jaħdmu fuq bażi full-time, waqt li aktar minn sitta u tletin elf u ħames mitt persuna kellhom impjieg part-time bħala l-impjieg ewlieni tagħhom.