Fir-raba kwart tal-2022, turisti li siefru barra minn Malta nefqu kważi €158.7 miljun. Ftit aktar minn miljun ewro biss inqas mill-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija.
Dan ħareġ minn ċifri li ħareġ l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, għax-xhur ta’ bejn Ottubru u Diċembru tas-sena li għaddiet.
Hawn ħareġ kif f’dan il-perjodu, l-ammont ta’ turisti li siefru minn pajjiżna qkien 180,215, filwaqt li ljieli li tqattgħu barra minn pajjiżna qabżu l-1,214,296.
L-NSO, fl-istatistika tiegħu wera kif mit-turisti li siefru minn pajjiżna, 109,970 għamlu dan għal btala. Dan jammonta għal 61%. Intant 45,856 vjaġġ saru sabiex turisti jiltaqgħu ma’ sħabhom jew qraba tagħhom. 17,872 saru għal raġunjiet ta’ xogħol jew negozju.
It-tul medju ta’ safra kienet 6.7 ljieli hekk kif 57,969 turist qattgħu seba’ ljieli jew aktar barra minn pajjiżna. Dan filwaqt li 65,798 qattgħu bejn erba’ u sitt iljieli. 56,448 qattgħu bejn lejl u tlett iljieli barra minn Malta.
86,660 siefru permezz ta’ low-cost airlines filwaqt li 81,828 użaw kumpaniji tal-ajru oħrajn.
Intant 11,727 użaw il-baħar biex vjaġġaw.
Mit-turisti kollha li siefru minn pajjiżna fir-raba kwart tal-2022, 99,925 kienu rġiel filwaqt li 80,290 kienu nisa.
49.1% tat-turisti li siefru minn pajjiżna kellhom bejn 25 u 44 sena. Dan filwaqt li 28.7% kellhom bejn 45 u 64 sena.
L-NSO irrimarka wkoll kif l-Italja baqgħet l-aktar destinazzjoni popolari hekk kif okkupat 33% tal-vjaġġi li saru. 134,625 vjaġġ saru fi ħdan l-Unjoni Ewropea b’117,677 saru fiż-żona ewro. Minn naħa l-oħra, 45,590 vjaġġ saru barra l-Unjoni Ewropea.
Intant miċ-ċifri tal-NSO ħareġ kif fl-2022 saru 601,701 vjaġġ għal barra minn xtutna. In-numru ta’ ljieli tul dan il-perjodu ta’ tnax il-xahar qabżu l-4.2 miljun lejl.
Tul l-2022, it-turisti li siefru minn pajjiżna nefqu €517.5 miljun.