Il-komunikazzjoni, il-kreattività, l-empatija u l-użu tal-kompjuters huma fost l-aktar ħiliet li għandhom il-Maltin u l-Għawdxin.
Dan ħareġ mill-ewwel stħarriġ dwar il-ħiliet, li sar f’pajjiżna, sentejn ilu u li ġie ppubblikat mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO. Dan biex ikun hawn stampa ċara tal-ħiliet ta’ dawk li għandhom bejn il-ħmistax u l-erbgħa u sittin sena f’Malta – il-perjodu li ġeneralment persuna taħdem matul ħajjitha.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ kif l-aktar ħiliet li jħaddnu l-aktar nies; mat-tmienja u sebgħin fil-mija tal-popolazzjoni, huma li jgħinu lin-nies u li jafu jħaddmu kompjuter.
Dan filwaqt li tlieta minn kull erba’ Maltin għandhom ħiliet ta’ komunikazzjoni, kollaborazzjoni u kreattività. Dawn jinkludu ħiliet bħal soluzzjonijiet għall-problemi, intervisti, u promozzjoni ta’ affarijiet fis-suq.
Kważi żewġ terzi tal-Maltin għandhom ħiliet maniġerjali. F’ħiliet oħra tekniċi, bħall-użu ta’ makkinarju speċifiku, dawn jammontaw għal aktar minn 38% u dawk ta’ kostruzzjoni jammontaw għal 24%.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ ukoll kif hemm ħiliet komuni għan-nisa u l-irġiel, bħal dawk li jafu jużaw kompjuter, ħiliet maniġerjali, il-komunikazzjoni u l-kreattività. Dan filwaqt li f’ħiliet bħal dawk ta’ użu ta’ makkinarju u fil-kostruzzjoni, ir-rata tal-irġiel tiżboq sew ir-rata tan-nisa. In-nisa jaqbżu sew lill-irġiel f’dik li hija kura u empatijaj
Minn dan l-istudju tal-NSO joħroġ ukoll kif 1.2% tal-popolazzjoni Maltija, qalu li m’għandhomx ħiliet; ekwivalenti għal ftit aktar minn tlett elef u ħames mitt persuna.
Skont l-NSO, aktar minn 2,300 huma nisa, u l-kumplament irġiel.
Hawnhekk ħareġ li l-aktar kategorija ta’ età ta’ dawk li qalu li m’għandhomx ħiliet hija dik ta’ bejn l-45 u l-64 sena. Waqt li l-inqas, hija l-faxxa taż-żgħażagħ, ta’ bejn il-15 u l-24 sena.