Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, il-Gvern investa kważi €360 miljun f’benefiċċji soċjali.
Minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ li kien hemm żieda ta’ €25 miljun ,jew 7.5 fil-mija, meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Dan hekk kif is-sena l-oħra l-investiment fil-benefiċċji soċjali kien ta’ aktar minn €334 miljun.
F’dawn iċ-ċifri tal-NSO ħareġ li fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien hemm żieda ta’ kważi €16-il miljun fil-benefiċċji kontributorji u żieda ta’ €9 miljun fil-benefiċċji mhux kontributorji.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ħareġ li l-akbar żieda rreġistrata kienet dik fil-pensjonijiet tal-irtirar. F’sena kien hemm żieda ta’ €8.8 miljun, hekk kif il-pensjonijiet fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kienu jammotaw għal aktar minn €211-il miljun. Dan filwaqt li fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra kienu jammontaw għal €202 miljun.
Dan seħħ ukoll minħabba li kien hemm żieda ta’ 735 persuna li qed jirċievu l-pensjoni taż-żewġ terzi.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li kien hemm żieda qawwija fl-in-work benefit, hekk kif kien hemm żieda ta’ €2.4 miljun, bl-investiment f’dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena kien ta’ €3.3 miljun. Din iż-żieda ġiet irreġistrata għax aktar nies qegħdin jirċievu dan il-benefiċċju minħabba li twessa’.
F’dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li, bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, 41,760 familja rċevew aktar minn €9 miljun f’children’s allowance.
Din iż-żieda fl-investiment soċjali qed issir minkejja l-isfidi internazzjonali bla preċedent kawża tal-gwerra fl-Ukrajna u anki wara l-pandemija globali.