Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu, il-vapuri tal-Gozo Channel u dawk tal-fast ferry, wettqu 9,602 vjaġġ bejn Malta u Għawdex u ġarrew 1,450,495 passiġġier.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wrew li l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena kien l-aktar perjodu bieżel fl-aħħar erba’ snin.
L-istatistika turi wkoll kif Marzu li għadda, fejn ġew iċċelebrati festi qrib jew fi tmiem il-ġimgħa, inkluż l-Għid, kien l-aktar wieħed impenjattiv, fejn fih saru 3,315 vjaġġ, jew 34.5 fil-mija tal-vjaġġi kollha fl-ewwel kwart tas-sena.
Bejn Jannar u Marzu li għadda, l-erba’ vapuri tal-kumpanija Gozo Channel, il-Gaudos, il-Melita, it-Ta’ Pinu u anke n-Nikolaus, ġarrew 1,294,314 bejn il-portijiet taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, li tfisser żieda ta’ 9.9 fil-mija meta mqabbel mal-istess xhur tal-2023.
Għall-Gozo Channel, l-ogħla numru ta’ passiġġieri kien irreġistrat f’Marzu, b’aktar minn erba’ mija u wieħed u disgħin elf passiġġier jew 39 fil-mija tat-total għat-trimestru.
Meta mqabbel mal-istess kwart tas-sena ta’ qabel, l-għadd ta’ vetturi fuq il-vapuri tal-Gozo Channel ukoll żdied b’5.8 fil-mija għal total ta’ aktar minn erba’ mija u ħamsa u sittin elf.
F’dawn it-tliet xhur, il-jiem tal-Ġimgħa u s-Sibt kellhom l-aktar traffiku taʼ passiġġieri miċ-Ċirkewwa, filwaqt li l-jiem tal-Ġimgħa u l-Ħamis kellhom l-aktar traffiku taʼ vetturi li oriġinaw mill-istess port.
Min-naħa l-oħra, fil-Ħdud u s-Sibtijiet kien hemm l-aktar traffiku taʼ passiġġieri mit-terminal tal-Imġarr, waqt li t-traffiku tal-vetturi mill-istess naħa kien l-aktar fil-Ħdud u nhar ta’ Tnejn.
Fejn jidħol il-fast ferry, fl-ewwel kwart tal-2024, saru total ta’ 1,735 vjaġġ, li ġarrew 156,181 passiġġier.
Meta mqabbel mal-istess żmien fl-2023, l-għadd ta’ vjaġġi żdied bʼ103.2 fil-mija, filwaqt li n-numru ta’ passiġġieri żdied bʼ115.1 fil-mija.