Bejn l-2014 u s-sena l-oħra, il-Korp tal-Pulizija rreġistrat 51 każ ta’ omiċidju, li fihom inqatlu 57 persuna b’kollox, skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Mill-ammont sħiħ ta’ omiċidji jirriżulta li l-vittmi rġiel laħħqu d-doppju ta’ dawk nisa. Fil-fatt, waqt li tmienja u tletin raġel inqatlu f’dan il-perjodu, l-għadd ta’ nisa kien in-nofs.
Mit-tagħrif mogħti, joħroġ li s-snin li raw l-inqas għadd ta’ omiċidji kienu l-2021 u l-2023 b’żewġ omiċidji jseħħu fʼkull waħda, b’kuntrast mal-2017 meta kienu seħħew disgħa.
Waqt li l-etajiet ta’ dawk maqtula jvarja. Kważi nofs il-vittmi kellhom bejn il-25 u l-44 sena, aktar minn 19 fil-mija kellhom bejn il-45 u d-59 sena, kważi disgħa fil-mija kienu taħt il-25 sena u l-kumplament ’il fuq minn 60 sena.
L-ibliet u l-irħula ta’ madwar il-Port l-iżjed li rreġistraw omiċidji, segwiti mid-distretti tat-Tramuntana u tax-Xlokk rispettivament, waqt li d-distretti tal-Punent u t’Għawdex l-inqas li esperjenzaw.
Il-maġġoranza tal-vittmi kienu wkoll ċittadini lokali, b’distakk sinifikanti fl-ewwel erba’ snin tal-perjodu, li, iżda, tnaqqas sew fit-tieni erba’ snin. Ħareġ li f’dawn l-għaxar snin, żewġ terzi tal-vittmi kienu Maltin, waqt li l-oħrajn kienu barranin.
Il-modi użati li wasslu għal tali omiċidji kienu l-iżjed permezz ta’ armi bħal oġġetti spuntati jew oġġett ieħor li jintuża bħala arma, bħal vettura.
Aktar minn terz tal-vittmi nqatlu b’arma tan-nar jew splussiv bi kważi 39 fil-mija, segwiti minn attakki bla armi, għax involvew saħħa fiżika fuq il-vittma, b’aktar minn 12 fil-mija.
L-użu ta’ armi li jaqtgħu, oġġetti spuntati jew xi vettura kienu responsabbli għal 5.6 fil-mija tal-każi.
Tlieta punt ħamsa fil-mija tal-omiċidji baqgħet mhux stabbilit x’wassal għal dan ir-reat.
Waqt li, fil-każ tal-vittmi rġiel, l-akbar ammont ta’ omiċidji twettqu minn persuni li kienu magħrufin minnhom, iżda mhux sħab intimi jew membri tal-familja, fil-każ tan-nisa s-sitwazzjoni hi bil-maqlub, għax kważi nofshom sfaw maqtulin minn dawk li kienu f’relazzjoni magħhom jew saħansitra xi membru tal-familja.