Għal sena oħra, kemm id-defiċit u kif ukoll id-dejn bħala proporzjon mal-Prodott Domestiku Gross (PDG) ta’ pajjiżna għas-sena 2023 reġgħu rreġistraw tnaqqis.
Dan ħareġ minn ċifri uffiċjali tal-Uffiċċu Nazzjonali tal-Istatistika u ġie nnutat fi stqarrija mill-Ministeru għall-Finanzi.
Fil-fatt, l-NSO turi kif iċ-ċifri ppubblikati juru li d-defiċit ta’ pajjiżna naqas minn 5.5% fl-2022 għal 4.9% fl-2023 li jfisser tnaqqis ta’ 0.6 punti perċentwali.
Min-naħa l-oħra, id-dejn bħala proporzjon tal-PDG ukoll irreġistra tnaqqis minn 51.6% fl-2022 għal 50.4% fl-2023 li jfisser tnaqqis ta’ 1.2 punti perċentwali.
Dawn iċ-ċifri fiskali huma iktar pożittivi minn dawk imbassra fil-Budget li għadda fejn għas-sena 2023, kien imbassar li defiċit bħala perċentwal tal-PDG jinżel għal 5.0%, filwaqt li d-dejn kellu jkun ta’ 52.78%.
Hawnhekk ġie nnottat kif għal sena oħra, iż-żieda fid-dħul tal-Gvern kien ogħla miż-żieda fil-ħruġ, hekk kif pajjiżna rreġistra żieda b’saħħitha fl-impjiegi u żieda fil-konsum. B’hekk, minkejja l-għajnuna kollha li l-Gvern ta u għadu qed jagħti fis-sussidji tal-elettriku, fjuwils, gass u ċereali u kif ukoll fit-twettiq ta’ diversi proġetti kapitali bħat-titjib fl-infrastruttura tal-pajjiż u proġetti ambjentali, xorta rnexxielu jnaqqas id-defiċit.
Ta’ min wieħed jinnota li d-dejn ta’ pajjiżna huwa ferm iżjed baxx minn dak li tirrikjedi l-kriterja tad-dejn tal-Unjoni Ewropea ta’ 60% tal-PDG.
It-titjib fit-trażżin tad-defiċit ser ikompli kif ippjanat, b’titjib fiskali ta’ 0.5% kull sena hekk kif imħabbar mill-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana fil-Budget għas-sena 2024 u b’rispett sħiħ lejn l-Economic Governance Framework wara l-qbil milħuq bejn il-Ministri għall-Finanzi tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea waqt laqgħa tal-ECOFIN f’Jannar li għadda.