Fl-2022, minn kull 100 persuna ta’ bejn il-15 u l-64 sena, 77 kienu qed jaħdmu, żieda ta’ 5.4 punti perċentwali fuq l-2018. Dan ħareġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, wara reviżjoni ta’ stimi dwar is-suq tax-xogħol li jaqblu mal-aġġornamenti taċ-ċifri tal-popolazzjoni fl-aħħar ta’ Jannar li għadda.
Fil-fatt, anke jekk il-perjodu jinkludi ż-żmien li pajjiżna kien għaddej minn pandemija, l-NSO jgħid kif l-istimi riveduti juru li l-attività fis-suq tax-xogħol żdiedet minn ftit aktar minn 74% għal aktar minn 79% fl-2022.
Dan it-tkabbir deher l-aktar fiż-żieda tan-nisa fis-suq tax-xogħol. Fil-fatt, ir-rata ta’ attività għan-nisa żdiedet bi 8.9 punti perċentwali, filwaqt li dik għall-irġiel kibret b’1.4 punti perċentwali fʼdan il-perjodu taʼ ħames snin.
L-NSO juri wkoll li r-rata ta’ impjieg għall-irġiel u n-nisa żdiedet b’1.7 u 9.0 punti perċentwali, rispettivament. Fl-istess sena, is-sehem tan-nisa ħaddiema full-time laħaq it-80.3 fil-mija. Bħala medja, mill-2018 sal-2022 sehem l-irġiel impjegati full-time kien ta’ 92.9 fil-mija.
Intant, matul dan l-istess perjodu l-NSO nnota żieda fin-numru ta’ professjonisti. Fl-2022 aktar minn wieħed minn kull ħamsa tal-impjegati kienu professjonisti.
L-akbar sehem ta’ persuni impjegati kienu mqabbdin fl-amministrazzjoni pubblika, id-difiża, l-edukazzjoni, is-saħħa tal-bniedem u l-ħidma soċjali. Dawn kienu segwiti mill-qrib min-nies li kienu jaħdmu fil-kummerċ bl-ingrossa u bl-imnut, fit-trasport u l-ħażna, l-akkomodazzjoni u s-servizzi tal-ikel.
Ċifri pożittivi ġew irreġistrati wkoll b’rabta mal-livell edukattiv milħuq. Fil-fatt, is-sehem tal-popolazzjoni minn 15-il sena ʼl fuq li kellu livell baxx ta’ edukazzjoni naqas bil-kbir bʼmod li wera tnaqqis ta’ 8.3 punti perċentwali mqabbel mal-2018 meta dakinhar kien jaqbeż id-49 fil-mija.
Min-naħa l-oħra, in-nies minn 15-il sena ʼl fuq li laħqu livell medju ta’ edukazzjoni żdiedu minn 29.5 fil-mija għal 33.9 fl-istess żmien.
Minbarra dawn, l-NSO ħabbar li, fl-2022, kwart tal-popolazzjoni minn 15-il sena ʼl fuq kisbet livell għoli ta’ edukazzjoni.