Fi Frar 2024, l-impjiegi full-time żdiedu b’6.8 fil-mija, filwaqt li dawk part-time bħala impjieg ewlieni żdiedu b’4.7 fil-mija meta mqabblin maʼ Frar taʼ sena qabel.
Dan ħareġ minn ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO hekk kif ġie spjegat li fi żmien sena, il-provvista tal-ħaddiema, esklużi l-part-timers, żdiedet b’6.8 fil-mija sabiex laħqet 286,612.
Dan kien ġej l-aktar minn żieda, sena għal sena, fl-impjiegi rreġistrati full-time.
Fil-fatt, dwar l-impjiegi fuq bażi full-time l-attivitajiet taʼ servizz amministrattiv u taʼ sostenn u l-Attivitajiet taʼ servizz tal-akkomodazzjoni u tal-ikel kienu l-aktar żewġ oqsma li wasslu għaż-żieda fix-xogħol full-time, meta mqabblin maʼ Frar 2023.
Ix-xogħol full-time irreġistrat fis-settur privat telaʼ bi 17,303 persuna għal 233,504. L-impjiegi fis-settur pubbliku żdiedu b’937 għal 52,012.
Dwar ix-xogħol part-time rreġistrat, l-NSO nnota li fi Frar 2024, l-impjiegi rreġistrati bħala part-time żdiedu bʼ7.0 fil-mija meta mqabblin mal-istess xahar tal-2023. L-oqsma li l-aktar wasslu għal din iż-żieda kienu l-Attivitajiet professjonali, xjentifiċi u tekniċi u s-settur tat-Trasport u l-ħażna.
L-għadd taʼ nies li kellhom kemm impjieg part-time kif ukoll ieħor full-time laħqu it-42,278, żieda taʼ 8.9 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023. Il-persuni li kellhom biss impjieg part-time kienu jammontaw għal 33,868, żieda taʼ 4.7 fil-mija fuq l-istess xahar fl-2023.