Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn April u Ġunju, l-għadd ta’ passiġġieri tal-cruiseliners kien ta’ mitejn u tlieta u sebgħin elf u disa’ mija, jew żieda ta’ wieħed u għoxrin punt sitta fil-mija fuq l-istess perjodu sena qabel.
Dan ħareġ minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li uriet kif anke n-numru ta’ cruiseliners li daħlu f’pajjiżna żdied bi tletin fuq is-sena ta’ qabel għal mija, tmienja u għoxrin vapur.
Dan ifisser li l-medja ta’ passiġġieri abbord fuq kull vapur kien ta’ elfejn, mija u erbgħin.
F’analiżi aktar dettaljata taċ-ċifri, joħroġ kif il-maġġoranza assoluta tal-passiġġieri, ftit aktar minn tmenin fil-mija, kienu fuq vjaġġi li għaddew minn pajjiżna bħala waħda mid-destinazzjonijiet.
Ħarsa lejn is-swieq turi li ħamsa u tletin fil-mija tal-passiġġieri kienu minn stati tal-Unjoni Ewropea, bl-aktar popolari jibqgħu s-suq Ġermaniż u dak Taljan. Minbarra hekk, l-Istati Uniti kien is-suq l-aktar popolari fost il-passiġġieri minn barra l-Unjoni Ewropea, segwiti fil-qrib mis-suq Brittaniku.
L-aktar età popolari fost dawn il-passiġġieri kienet dik ta’ bejn is-sittin u d-disgħa u sebgħin sena, segwiti minn dawk li għandhom bejn l-erbgħin u d-disgħa u ħamsin sena.
Meta, imbagħad, wieħed jgħaqqad dawn iċ-ċifri mal-ewwel kwart tas-sena, jidher li, fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, il-passiġġieri tal-cruiseliners żdiedu bi ftit aktar minn ħamsin elf, meta mqabbel mal-ewwel nofs tal-2023.