Is-sena l-oħra, l-investiment tal-Gvern kien jammonta għal aktar minn seba’ punt ħames biljun ewro. Dan joħroġ mill-aħħar ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO.
Din tfisser żieda ta’ aktar minn sitt mitt miljun ewro, hekk kif sena qabel, fl-2022, l-investiment kien ilaħħaq kważi sitta punt disa’ biljun ewro.
L-akbar investiment li sar mill-Gvern fl-2023 kien dak fil-ħarsien soċjali, bl-investiment hawnhekk jiżboq iż-żewġ biljun ewro.
Dan l-ammont konsiderevoli kien maqsum bejn diversi benefiċċji u miżuri, partikolarment fil-pensjonijiet, li kien jgħoddu għal iżjed minn wieħed punt żewġ biljun ewro. Minn dawn gawdew qatigħ ukoll il-familji u t-tfal tagħhom, morda u persuni b’diżabilità.
Apparti l-investiment soċjali, kien hemm ukoll is-sussidji min-naħa tal-Gvern biex żamm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli u m’għolewx il-kontijiet għall-familji u n-negozji, fost l-oħrajn.
Minn dawn iċ-ċifri ħareġ ukoll li s-sussidju fuq l-enerġija ammonta għal aktar minn mitejn u sebgħin miljun ewro, filwaqt li l-Gvern investa aktar minn mija u erbgħa u tletin miljun fir-ristruttar tal-linja nazzjonali tal-ajru.
L-investiment tal-Gvern fis-settur saħħa kien ukoll wieħed qawwi tant li kien jgħodd għal aktar minn biljun ewro.
Tali investiment ukoll kien akbar minn mill-perjodu tal-pandemija.
Dan filwaqt li, fis-settur edukattiv, il-Gvern investa aktar minn tmin mija u sittin miljun ewro.