Xahar wara għadu jaqbad in-nar fl-istat ta’ New Mexico, l-Amerika, fejn saħħansitra qered art kbira daqs il-belt ta’ Chicago, u huwa meqjus it-tieni l-akbar li qatt kien hemm fl-istess stat.
Jidher li l-kundizzjonijiet tat-temp mhux qed jgħinu wisq is-sitwazzjoni, anzi pjuttost qed jagħmluha agħar.
Ħafna familji spiċċaw bla saqaf fuq rashom filwaqt li eluf oħra ġew evakwati bħala prekawzjoni.
Fil-fatt, il-Gvernatur tal-Istat talbet lir-residenti fiż-żoni fejn l-evakwazzjoni hija obligatorja, biex jitilqu immedjatament.
Intant, il-President tal-Amerika, Joe Biden din il-ġimgħa ddikjara diżastru kbir fi New Mexico u qal li fetaħ riżorsi federali li tinkludi għajnuna finanzjarja għall-persuni milquta minn dan id-diżastru.