It-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għax-xahar ta’ Novembru ammonta għal 433,621 passiġġier. Dan it-total isarraf fi rkupru ta’ 87.9% tat-traffiku li kien irrapporta l-ajruport fl-istess xahar qabel il-pandemija.
Ir-rata ta’ rkupru ta’ Novembru hija l-aktar waħda b’saħħitha li rreġistra l-ajruport sa issa.
Is-seat load factor (SLF) gwadajna 7.7 punti perċentwali, u b’hekk laħaq l-ogħla livell tiegħu għax-xahar ta’ Novembru ta’ 85.8%. Dan huwa mod li bih linji tal-ajru jkejjlu l-perċentwal tal-kapaċità ta’ seats disponibbli, li jkun imtlew bil-passiġġieri.
L-aqwa ħamest iswieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta baqgħu l-istess bħal Ottubru, bl-Italja tibqa’ fil-quċċata tal-lista għad-disa’ xahar konsekuttiv. L-Italja kienet segwita mir-Renju Unit u l-Ġermanja, żewġt iswieq li komplew jirkupraw b’pass kajman. Min-naħa l-oħra, Franza u l-Polonja, li okkupaw ir-raba’ u l-ħames post, irreġistraw tkabbir ta’ 33.8% u 39.8% rispettivament meta mqabbel mal-livelli tal-2019.
Is-suq Pollakk kiseb seat load factor għoli ta’ 91% minkejja li l-postijiet disponibbli fuq it-titjiriet minn u lejn il-Polonja żdiedu meta mqabblin mal-2019. B’hekk is-suq Pollak kien wieħed minn ħamest iswieq fost l-aktar għaxra popolari għax-xahar ta’ Novembru li kellhom seat load factor ta’ aktar minn 90%.
L-iskeda tax-xitwa tal-ajruport daħlet fis-seħħ b’mod uffiċjali f’Novembru, b’wieħed mill-iżviluppi importanti għal dan ix-xahar ikun ir-ritorn ta’ Air Serbia wara li din il-linja tal-ajru kienet issospendiet temporanjament is-servizzi tagħha minn Malta fil-bidu tal-pandemija.