It-temp pjuttost mhux tas-soltu f’Novembru li għadda wassal biex ikun aktar xott mill-medja klimatika. Skont analiżi tat-temp mill-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, ix-xahar li għadda kellna sebgħa u sebgħin millimetru ta’ xita, jiġifieri erbgħa u għoxrin punt sitta anqas mill-kwota tal-medja klimatika.
L-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta rrefera wkoll għall-fatt li x-xahar ta’ Novembru beda fuq nota relattivament sħuna hekk kif l-ogħla temperatura tax-xahar, laħqet it-tlieta u għoxrin punt sebgħa gradi hekk kif fl-ewwel nofs tax-xahar il-gżejjer Maltin esperjenzaw temp sabiħ li normalment huwa assoċjat mas-sajf ta’ San Martin, filwaqt li l-iktar temperatura baxxa niżlet għal disa’ gradi.
B’konsegwenza ta’ dan, it-temperatura medja tal-arja għal Novembru kienet ta’ sbatax punt sebgħa gradi, jiġifieri zero punt wieħed grad ogħla min-norma klimatika, filwaqt li t-temperatura medja tal-baħar kienet grad ogħla min-norma klimatika ta’ wieħed u għoxrin grad.
Tul il-ħdax-il xahar tas-sena, l-Uffiċċju Meterjoloġiku rrapporta tliet maltempati bir-ragħad u sajjetti fit-tieni nofs, kif ukoll sitt ijiem bil-bjuda ta’ filgħodu.
Il-kopertura medja tas-sħab għax-xahar kienet ta’ tlieta punt wieħed oktas, koperatura eħfef milli mistennija f’dan iż-żmien tas-sena.
Matul ix-xahar ix-xemx sirġet għal ftit aktar minn mija u sitta u tmenin siegħa, bl-aktar jum imdawwal ta’ Novembru jirreġistra kważi għaxar sigħat tax-xemx, filwaqt li l-aktar jum msaħħab kien ta’ nofs siegħa, filwaqt li dak imdallam kien irreġistrat nhar is-sbatax ta’ Novembru fejn ix-xemx ħarġet biss għal nofs siegħa.
B’mod ġenerali x-xahar ta’ Novembru kien aktar kalm fejn ir-riħ ma tant nefaħ.