It-temperatura medja għax-xahar ta’ Novembru laħħqet id-dsatax punt disa’ gradi celsius, ekwivalenti għal ħamsa punt erbgħa gradi celsius ogħla min-norma klimatika.
Din l-informazzjoni kienet ppubblikata mill-Uffiċċju Meteroliġiku fi ħdan l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, li ta ħarsa lejn it-temp fil-gżejjer Maltin matul Novembru.
Intqal, li l-ewwel ġurnata ta’ Novembru rreġistrat rekord ġdid tal-ogħla temperatura milħuqa f’Novembru, a’ disgħa u għoxrin punt wieħed gradi celsius. Min-naħa l-oħra, fis-sitta u għoxrin tax-xahar ġiet irreġistrata l-iktar temperatura baxxa, ta’ ħdax punt sebgħa gradi celsius.
L-ewwel nofs tax-xahar ra biss żero punt sitt millimetri ta’ xita, filwaqt li t-tieni nofs patta għal dan in-nuqqas, hekk kif niżlu tlieta u ħamsin millimetru ta’ xita.
B’mod partikolari fit-tnejn u għoxrin ta’ Novembru, meta l-Uffiċċju Meteoroloġiku kien ħareġ twissija safra, niżlu sitta u għoxrin punt erba’ millimetri ta’ xita.
Għalkemm it-tieni nofs tax-xahar kien aktar imxarrab, Novembru xorta kien aktar xott min-norma klimatika.
L-Uffiċċju Meteoroloġiku nnota wkoll li f’Novembru pajjiżna ntlaqat minn maltempati bis-sajjetti għal tlett ijiem u ġurnata fejn saħansitra niżel is-silġ.
Novembru kien ukoll aktar xemxi mis-soltu, b’sitta u tletin siegħa aktar ta’ xemx min-norma klimatika.
L-aktar ġurnata b’riħ qawwi kienet il-ħamsa u għoxrin tax-xahar.