- It-temperatura tal-arja għal Novembru kienet bejn 10.6˚C u 24.1˚C
- Tkejlu biss 61.0 mm ta’ xita; jiġifieri anqas min-norma klimatika
- Tkejlu ftit aktar minn 166 siegħa ta’ xemx
It-temperatura minima l-aktar baxxa għal Novembru ta’ 10.6˚C, li tkejlet proprjament fl-aħħar jum tax-xahar, serviet ta’ tfakkira kemxejn kiesħa li x-xitwa meteoroloġika kienet wara l-bieb. Total ta’ 166.7 siegħa ta’ xemx, min-naħa l-oħra, komplew idawlu l-jiem ta’ Novembru f’Malta.
Għaxar sigħat ta’ xemx, imkejlin fl-ewwel Tnejn tax-xahar, taw bidu għall-ġimgħa fuq nota tassew imdawla. Il-ħames jum ta’ Novembru, fil-fatt, kien l-aktar wieħed xemxi, filwaqt li fl-ewwel jum ta’ Novembru x-xemx lanqas biss ittawlet. Il-kopertura tas-sħab medja għax-xahar kienet ta’ 0.4 oktas; jiġifieri kemxejn ogħla min-norma klimatika għal dan iż-żmien tas-sena.
Filwaqt li Novembru ġab miegħu temp aktar kiesaħ, it-temperatura medja tal-arja għax-xahar kienet dik ta’ 18.5˚C, jiġifieri 0.9˚C ogħla min-norma klimatika. It-temperatura medja tal-baħar ukoll kienet ogħla mis-soltu, fejn qabżet in-norma ta’ 21.0˚C bi 1.1˚C. Dawn it-temperaturi ogħla mill-medja jidher li jirriflettu tendenza klimatika usa’, li tindika li t-temperatura globali medja għall-2018 ser titniżżel bħala r-raba’ l-ogħla fir-rekords.
Ix-xita li niżlet tul Novembru kienet sinifikattivament anqas mit-total mistenni f’dan iż-żmien tas-sena. 27.2 mm mit-total ta’ 61.0 mm għal Novembru, tkejlu fl-għaxar jum tax-xahar – l-aktar jum li fih niżlet xita. Fl-istess jum, ġiet irrappurtata mill-Uffiċju Meteoroloġiku waħda mis-sitt istanzi ta’ ragħad għax-xahar ta’ Novembru.
Jum ieħor li fih instema’ r-ragħad kien is-27 ta’ Novembru. F’din il-ġurnata, il-gżejjer intlaqtu wkoll minn riħ qawwi, b’buffura massima ta’ 50 knots mill-Majjistral imkejla. B’mod ġenerali, madankollu, ix-xahar ma kienx aktar mirjieħ mis-soltu, bil-veloċità medja tar-riħ għal Novembru tkun ta’ 8.3 knots, jiġifieri eżatt daqs in-norma klimatika.