Professjonisti tal-kura tas-saħħa f’pajjiżna pparteċipaw f’seminar sabiex jiddiskutu x-xjenza u r-realtajiet tal-epidemija tan-Novel Coronavirus, li bħalissa qed jolqot diversi pajjiżi madwar id-dinja, fosthom anke fl-Ewropa.
Is-seminar li għalih attenda s-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Indafa Pubblika Deo Debattista kien organizzat mill-Akkademja għall-Eċċellenza u l-Innovazzjoni fix-Xjenza Regolatorja fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini b’kollaborazzjoni mad-Direttorat għall-Promozzjoni tas-Saħħa u Prevenzjoni tal-Mard.
Fl-indirizz tiegħu, is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista spjega kif l-Akkademja taħdem b’mod proattiv u tpoġġi l-pazjent fiċ-ċentru tal-ħidma fit-tmexxija t’inizjattivi ta’ riċerka u innovazzjoni. Semma’ kif l-Akkademja qed trawwem klima ġdida ta’ tagħlim u ideat u tiddiskuti opportunitajiet sabiex tegħleb sfidi fl-oqsma dinamiċi tax-xjenza u t-teknoloġija.
Is-Segretarju Parlamentari Debattista fisser kif is-Superintendenza tas-Saħħa Pubblika, l-Awtoritajiet tas-Saħħa u t-Taqsima dwar l-Intelliġenza u l-Aċċess tal-Mediċini fi ħdan l-Awtorità dwar il-Mediċini qegħdin jaħdmu f’sinerġija biex jiżguraw rispons xieraq u sostnut għal żviluppi fl-emerġenza tal-Coronavirus.
Is-seminar segwa b’diskussjoni interattiva dwar l-implikazzjonijiet varji tal-Coronavirus u fatturi importanti ta’ tħejjija biex tiġi mgħelba din l-emerġenza globali tas-saħħa. Fost l-oħrajn, taw il-kontribut tagħhom il-Professur Anthony Serracino-Inglott, Chairperson tal-Awtorità dwar il-Mediċini, il-Professur Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Dr Chris Barbara, Chairperson Kliniku tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, il-Professur Michael Borg, Konsulent fil-Mard Infettiv u Dr Tanya Melillo Fenech, Konsulent fit-Taqsima tal-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard Infettiv fis-Saħħa.