Il-Proġett NotaryPedia tnieda b’mod uffiċjali bħala inizjattiva nazzjonali li tgħaqqad it-teknoloġija avvanzata mal-preservazzjoni tal-wirt storiku u legali ta’ Malta.
Dan il-proġett innovattiv qed juża l-Intelliġenza Artifiċjali u teknoloġiji avvanzati biex jagħmel l-arkivji notarili Maltin, bħall-dokumenti li jmorru lura għas-seklu ħmistax, aktar aċċessibbli u interattivi għal kullħadd.
Il-pjattaforma se tintuża biex jiġu żviluppati għodod intelliġenti għal traskrizzjoni awtomatika, li se jiffaċilita r-riċerka u jħallu lill-utenti jiskopru konnessjonijiet moħbija fil-kontenut.
Preżenti għat-tnedija kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici fejn qal li dan il-proġett se jpoġġi lil Malta fuq quddiem fid-diġitalizzazzjoni u l-esplorazzjoni semantika ta’ arkivji storiċi.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, enfasizza l-importanza ta’ dan il-proġett li se jibqa’ juża l-Intelliġenza Artifiċjali għall-ġid tas-soċjetà.
Kien hemm preżenti wkoll il-President tal-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili, Dr Joan Abela, Il-Mexxej tal-Proġett fid-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali, u r-Rettur tal-Università ta’ Malta, Alfred J. Vella.
Il-proġett huwa frott ta’ kollaborazzjoni fuq tliet snin bejn id-Dipartiment tal-Intelliġenza Artifiċjali fi ħdan il-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, u l-Fondazzjoni tal-Arkivji Notarili.