Fil-Caritas Community Centre tnediet l-esebizzjoni tal-arti Nostalġija, mtella’ mill-artisti Don Heywood u Żepp Cassar b’risq Caritas Malta, liema esebizzjoni kienet inawgurata minn Mons. Martin Micallef, Vigarju Episkopali għall-ħidma fid-djakonija. Waqt it-tnedija tagħha, id-direttur ta’ Caritas Malta sellem lil Mons. Victor Grech u kemm inħasset it-telfa tiegħu imma bla dubju il-legat li ħalla, iż-żerriegħa li żergħa se tibqa’ tagħti l-frott.
Faħħar lill-artisti li għażlu Caritas Malta biex itellgħu dan ix-xogħol nostalġiku li jeħodna lura għal żmien il-karozzi tal-linja tal-kulur, it-tieqa tad-Dwejra, u t-tifkiriet bħall-innijiet ‘Reġa’ sebaħ ja mulejja’ u memorji tan-nanna taħbi d-deheb taħt is-siġra tal-laring. Barra minn hekk , irringrazzja lil Don Heywood u Żepp Cassar li qed itellgħu din il-wirja fis-sala ddedikata lill-Mons. Victor Grech li qiegħda fil-Caritas Community Centre u li wkoll parti mid-dħul ta’ dawn il-kwadri se jmur lejn is-servizzi li huma bla ħlas li tagħti Caritas Malta.
Don Heywood, li għandu xogħol tiegħu f’kollezzjonijiet privati li jinsabu f’Buckingham Palace, Windsor Castle, Wimbeldon Tennis Club, fil-Palazz tal-President ta’ Zimbabwe u fll-Ambaxxata Ingliża fl-Afrika t’isfel fost oħrajn, spjega li din hija l-5 esebizzjoni tiegħu f’Malta. Huwa artist Ingliż b’ċittadinanza Maltija u fl-arti tiegħu esprima l-Malta kif jiftakarha hu; bil-karozzi tal-linja tal-kulur, l-għasafar li kienu jpassu fil-passat, il-gallariji Maltin u fost kollox it-tieqa tad-Dwejra li llum m’għadihiex hemm.
Żepp Cassar sellem ukoll lill-Monsinjur Victor Grech. Żepp huwa Malti li jgħix Sydney, l-Awstralja u spjega li ilu sentejn sħaħ jaħdem fuq din l-esebizzjoni fejn fakkritu fit-tifkiriet ta’ meta kien tifel jgħix Malta. Żepp esebixxa Amsterdam, Bordeaux, Shanghai, Ruma, Pariġi, St Petersbourgh, Sydney u New York.
Din il-wirja qed tittella grazzi għal Caritas Malta,Marsovin, APS Bank u George Galea li pprovda l-picture hanging wires, Appettitosa u General Soft Drinks.
Din il-wirja hija miftuħa għall-pubbliku mit-Tnejn 17 ta’ Frar sal-Ġimgħa 21 ta’ Frar bejn l-10 ta’ filgħodu u t-8 ta’ filgħaxija u s-Sibt 22 ta’ Frar bejn l-10 ta’ filgħodu sas-1 ta’ waranofsinhar fil-Caritas Community Centre, Triq Mountbatten, il-Ħamrun.