Joar Are Lyngaas, Norveġiż ta’ 35 sena, li jaħdem bħala content writer u residenti f’Għajnsielem, wieġeb mhux ħati li pprova joqtol Malti ta’ 43 sena.
Hu ġie akkużat il-Ġimgħa filgħodu fil-Qorti t’Għawdex li, fil-lejl ta’ bejn l-1 u t-2 ta’ Mejju li għaddew, fi Triq Fuq il-Għajn, f’Għajnsielem, ikkaġuna feriti ta’ natura gravi lill-Malti b’arma li taqta’ u bil-ponta.
Lygnas ġie akkużat wkoll li, fl-istess lejl, ipprova jikkaġuna ġrieħi gravi fuq persuna oħra u li daħal f’residenza privata fejn wettaq xi ħsarat. Dawn l-allegati-reati twettqu waqt li n-Norveġiż diġà għandu sentenza sospiża.
L-Avukat tal-Għajnuna Legali Dr Maria Bartolo Dimech ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, iżda talbet li, fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, l-akkużat jiġi eżaminat minn psikjatra biex jiġi stabbilit jekk għandux jinżamm hemm jew inkella jittieħed fis-sezzjoni forensika.
Il-Prosekuzzjoni ma sabet l-ebda oġġezzjoni u l-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Brigitte Sultana, laqgħet it-talba.