F’intervista mal-gazzetta ILLUM, il-kandidata għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, Norma Saliba, saħqet li, jekk id-delegati jafdawha f’dan ir-rwol, se tkun qed timxi b’‘bottom-up approach’ billi tkun dejjem qrib u tisma’ dak li għandhom xi jgħidu d-delegati, l-attivisti u l-membri tal-Partit.
Prijorità ewlenija fil-ħidma tagħha se tkun li ssaħħaħ is-sisien organizzattivi tal-Partit u li tagħti vuċi lid-delegati, lill-membri u lill-attivisti.
“Waħda mill-prijoritajiet ewlenin li se nkun qed niffoka fuqhom hi li nsaħħu l-istrutturi interni tal-partit. Dan billi jkollna customer care aktar b’saħħtu u dan jara li jaslu l-ilmenti għand il-partit wkoll biex dawn jiġu riżolti, li jkun hemm aktar sinerġija u kordinament fil-ħidma bejn il-fergħat kollha tal-partit, ħa jkollna messaġġ wieħed bejniethom kollha, kif ukoll li ssir ħidma fost il-grassroots, b’mod partikolari l-grassroots, fosthom il-kumitati lokali, distrettwali, delegati u membri bil-għan li dawn iwettqu ħidma favur il-partit u l-ħidma tagħhom tkun rikonoxxuta.”
Norma Saliba – kandidata għal President tal-Partit Laburista
Saliba saħqet li, jekk tinħatar f’din il-kariga, se tara li l-membri tal-Kabinett u l-Membri Parlamentari Laburisti jkollhom preżenza aktar effettiva fil-Partit, bħala eżekuturi tal-manifest elettorali.
Qasam ieħor li se tkun qed tiffoka fuqu hu dak tal-komunikazzjoni fi ħdan il-Partit Laburista. Qalet li, jekk tiġi eletta, se taħdem favur it-tisħiħ tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Partit, ewlenin fosthom mal-istazzjonijiet ONE, il-gazzetta KullĦadd u l-mezzi soċjali tal-Partit.
Dwar il-politika mħaddna mill-Partit Laburista, Saliba sostniet li dan għadu l-aktar partit viċin il-batut u l-emarġinat, għax tul is-snin ħadem favur inizjattivi soċjali mmirati lejn dawk l-inqas ixxurtjati.
Wegħdet li hi determinata taħdem anke biex iżjed persuni jissieħbu fil-Partit, filwaqt li se tara li dan ikun magħqud ħalli jibqa’ l-aktar forza politika b’saħħitha f’pajjiżna.