F’messaġġ fuq il-midja soċjali tagħha, il-kandidata għall-kariga ta’ President tal-Partit Laburista, Norma Saliba, saħqet li, jekk tkun eletta f’dan ir-rwol, il-ħidma tagħha se tkun iffokata fuq tliet prioritajiet ewlenin.
L-ewwel prijorità se tkun li tara li jissaħħu l-istrutturi tal-Partit Laburista biex ikun jista’ jibqa’ partit rebbieħ. Saliba saħqet li l-esperjenza u l-kuntatti, li bniet tul is-snin, se jgħinuha biex, flimkien mal-amministrazzjoni, tibdel lill-Partit Laburista f’forza biex ikun jista’ jappella għal firxa usa’ ta’ persuni, filwaqt li jinġiebu lura nies li, għal xi raġuni, telqu mill-partit u jitressqu lejn il-Partit uċuh ġodda wkoll.
Bħala persuna li kellha karriera twila u ta’ suċċess fix-xandir u l-ġurnaliżmu, Saliba saħqet li prijorità oħra fil-ħidma tagħha, jekk tiġi eletta f’din il-kariga, se tkun it-tisħiħ tal-mezzi tal-komunikazzjoni tal-Partit Laburista.
“Inwegħdkom li nsaħħu l-komunikazzjoni biex jasal aktar b’saħħtu l-messaġġ tal-PL lill-poplu Malti u Għawdxi. Se nuża l-esperjenza tiegħi bħala xandara biex titfassal strateġija ġdida għal One TV, One Radio, il-gazzetta KullĦadd u l-midja soċjali tal-Partit. Filwaqt li nsaħħu l-programm ta’ komunikazzjoni bieb bieb mal-elettorat.”
Saliba żiedet tgħid li t-tielet prijorità tagħha se tkun li sservi ta’ vuċi għad-delegati, tesserati u attivisti tal-Partit Laburista u dan se twettqu billi tibqa’ dejjem viċin in-nies, tisma’ dak li għandhom xi jgħidu u twettaq l-ideat tagħhom, biex il-Partit Laburista jkun jista’ jkompli jikkontribwixxi għall-ġid ta’ pajjiżna b’ideat innovattivi u policies ġodda.
Hi temmet tgħid li, fl-aħħar ħdax-il sena, Gvernijiet Laburisti wettqu bidliet pożittivi kbar u għaldaqstant jeħtieġ li l-Partit Laburista jkompli jsaħħaħ l-organizzazzjoni tiegħu u jiġġedded biex jibqa’ partit b’saħħtu u rebbieħ.