Omm irrakkontat fil-Qorti kif raġel prova jaħraqha ħajja f’Ħaż-Żabbar. Michelle Camilleri xehdet quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud f’każ fejn kunflitt bejn żewġ familji wassal biex akkużat bl-attentat ta’ qtil tagħha issa hemm Alvin Pullicino, raġel ta’ 26 sena. Gavin Spagnol, kuġinuh, qed ikun akkużat li kien kompliċi miegħu.
Alvin Pullicino huwa l-eks sieħeb ta’ oħtha li għandha tifla u skont ix-xhieda fil-qorti l-vittma tgħinha fit-trobbija tagħha.
Bid-dmugħ ħiereġ minn għajnejha il-mara rrakkontat kif wara ġurnata xogħol flimkien ma’ uliedha subien ta’ tlieta u għaxar snin u missierhom kienu sejrin il-bandli. Sakemm waqfu d-dar u l-missier daħal ġewwa maż-żgħir, waqfet karozza misruqa minn Gavin Spagnol u li fiha kien hemm Pullicino. Dan tal-aħħar ħareġ u beda jitfa’ l-pitrolju fuq il-karozza tagħha u jistaqsiha jekk hix qed tibża’ minnu. Hemm fetaħ il-bieba tal-karozza u pprova jaħraqha iżda l-lighter ma bdietx tieħu sakemm hi u binha ta’ għaxar snin ħarbu mill-karozza u marru fid-daħla ta’ quddiem id-dar. Hemm beda jgħafasha mal-ħajt b’katina tal-ħadid. Ir-raġel ra dan kollu meta ħareġ jiġri barra għax sema’ l-istorbju u fil-qorti Jean Paul Camilleri rrakkonta kif beda jisma’ lil Pullicino jgħajjat: “Noqtlok, Noqtlok, Ma nċedix qabel noqtol lil xi ħadd minnkom.”
Il-Maġistrat ċaħad it-talba għal ħelsien mill-arrest anke għax sema’ kif dan ma kienx l-ewwel każ u mhux l-ewwel rapport li sar quddiem il-pulizija kontra Pullicino, li fl-awla kien imwissi wkoll diversi drabi minħabba diversi mossi li beda jagħmel.