Għal sena oħra, se jittella’ l-avveniment tal-Premju Anzjanità Attiva, li se jerġa’ jirrikonoxxi u jiċċelebra l-kontribut u l-impenn ta’ persuni u organizzazzjonijiet f’dan il-qasam. F’konferenza tal-aħbarijiet tħabbar li nfetħu n-nominazzjonijiet biċ-ċans li individwi jew għaqdiet jiġu nnominati sat-8 ta’ Settembru li ġej.
Il-Premju Anzjanità Attiva jittella’ taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, enfasizza l-valur tal-premju bħala mezz biex inħeġġu lill-anzjani jkomplu jgħixu ħajja attiva u involuta, filwaqt li saħaq li l-pajjiż għandu bżonn individwi u gruppi li jservu ta’ eżempju u li juru li l-età mhix ostaklu, imma opportunità biex tkompli tgħix b’mod pożittiv u produttiv.
L-organizzaturi ħabbru li qed jilqgħu applikazzjonijiet f’sitt kategoriji differenti, inklużi għall-Innovazzjoni u t-Teknoloġija fl-Anzjanità, fl-Anzjanità Kulturali, Anzjanità Sportiva, Volontarjat fl-Anzjanità u Solidarjetà Interġenerazzjonali.
Amy Friggieri, Chairperson tal-Bord tal-Premju Anzjanità Attiva, spjegat lil ONE News il-proċess li se jwassal għas-serata ta’ din is-sena.
“Din is-sena l-bord se jkun qed jilqa’ n-nominazzjonijiet għal sitt kategoriji. F’dawn is-sitt kategoriji se nkunu qed nilqgħu tlieta minnhom entitajiet jew organizzazzjonijiet li jagħtu l-kontribut tagħhom lill-anzjani tagħna. Dawn huma tal-innovazzjoni, sports u teknoloġija. Minbarra hekk, dakinhar taċ-ċelebrazzjoni se nkunu qed niftħu permezz ta’ expo fejn se jkollna wirja tal-attivitajiet li jsiru fiċ-ċentri tal-anzjani tagħna u jilħaq il-qofol tiegħu billi nippremjaw lir-rebbieħa ta’ dawn is-sitt kategoriji.”
Fil-konferenza, li nediet l-attività ta’ din is-sena, Dr Renzo Degabriele, Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, semma l-importanza ta’ dan l-għarfien lil dawk li jippromwovu l-anzjanità attiva f’Malta.
Hu nnota kif il-premju jagħraf l-importanza ta’ diversi modi kif l-anzjani jistgħu jkomplu jikkontribwixxu b’mod attiv fis-soċjetà.
“Aħna x’inhu l-iskop tagħna? Meta persuna taraha ħolistikament, meta inti tibqa’ attiv, ħa tgħinek anke fil-menti tiegħek, ħa tgħinek fiżikament, ħa tgħinek anke fil-well-being inġenerali tiegħek. Allura meta anzjan jibqa’ attiv, ikun jista’ jgħix aktar b’saħħtu u aħna għalina, l-importanti l-kwalità tal-ħajja. Mhux biss li tgħix, imma l-kwalità tal-ħajja. Meta tibqa’ attiv, il-ġisem u l-menti jibqgħu reżiljenti aktar għaddejjin u l-kwalità tal-ħajja tkun aħjar.”
Kulħadd jista’ jinnomina lil xi persuna attiva f’dan il-qasam permezz tas-sit uffiċjali jew il-mezzi soċjali tal-Anzjanità Attiva.
Il-qofol jintlaħaq bl-expo u ċ-ċerimonja finali nhar it-18 ta’ Ottubru li ġej fejn jitħabbru r-rebbieħa ta’ din is-sena tal-Premju Anzjanità Attiva.