Il-Partit Laburista jifraħ lit-tabib George Vella għan-nomina tiegħu bħala l-għaxar President tar-Repubblika ta’ Malta.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li t-tabib Vella hu bniedem magħruf għall-integrità tiegħu, għandu wkoll esperjenza twila fil-ħajja pubblika u għal bosta snin ħadem f’isem Malta fl-isfera internazzjonali.
Bħal oħrajn li servew f’din il-kariga qablu m’hemmx dubju li t-tabib Vella se jkun qed iservi l-pajjiż bl-aqwa mod u fl-interessi tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.
Il-Partit Laburista jsellem ukoll lill-President Marie Louise Coleiro Preca għax-xogħol impekabbli li wettqet u għadha twettaq minn din il-kariga. Fost ħafna xogħol li wettqet permezz tal-Presidenza tagħha l-President Coleiro Preca tat vuċi ikbar lill-ħafna persuni fis-soċjetà.