Il-Ħadd filgħaxija saret iċ-ċerimonja tat-tlieta u disgħin edizzjoni tal-Academy Awards, li fiha, il-film Nomadland rebaħ tliet premji, għall-aqwa film, direzzjoni u attur prinċipali.
Dan il-film huwa dwar mara li titlef kollox fir-riċessjoni tal-elfejn u disgħa u timbarka fuq vjaġġ fl-Amerka b’vann.
Il-Kritiku tal-films, Mario Azzopardi spjega li d-direttriċi tal-film, Chloe Zhao, naqqxet isimha fl-istorja bħala l-ewwel Ażjatika u t-tieni mara li rebħet il-premju tal-aqwa direttur.
Qal, “Huwa interessanti li bħala direttur għandu mara, li hija Chloe Zhao, u mhux biss mara imma ġejja wkoll minn pajjiż Ażjatiku, fil-fatt miċ-Ċina li issa toqgħod l-Isati Uniti u llum il-ġurnata taħdem f’din l-industrija. Barra minn hekk dan huwa film fejn il-karattru prinċipali huwa wkoll ta’ mara fil-fatt huwa interpretat minn Francesc McDormand.”
Sir Anthony Hopkins rebaħ il-premju tal-aqwa attur, għall-irwol tiegħu ta’ raġel bid-dimensja fil-film The Father.
Il-kritiku tal-films spjega li r-rebħa tiegħu kienet l-akbar sorpriża tal-lejl għaliex dan l-unur kien mistenni jmur għand Chadwick Boseman, li miet f’Awwissu li għadda, fl-età ta’ tlieta u erbgħin sena, għall-parti fil-film Ma Rainey’s Black Bottom.
Qal, “Għall-aħjar attur, ħafna kienu qed jistennew li jirbaħ l-attur mibki Chadwick Boseman, fejn minflok rebaħ Anthony Hopkins li lanqas biss mar għall-Oscars. L-età tiegħu ovvjament, illum għandu fuq it-tmenin.”
Il-films The Father, Judas and the Black Messiah, Ma Rainey’s Black Bottom, Mank u Soul and Sound of Metal rebħu żewġ premji kull wieħed.
Daniel Kaluuya rebaħ l-unur tal-aqwa attur f’parti sekondarja, għall-irwol tiegħu f’Black Banther u f’Judas and the Black Messiah.
Youn Yuh-Jung hija l-ewwel attriċi Koreana li rebħet Oscar, għall-irwol tagħa fil-film Minari.