Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca flimkien mal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia ppresedew waqt il-partita futbol bejn tim kompost mir-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u tim ieħor kompost minn personalitajiet magħrufa u eks players nazzjonali b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Il-partita futbol intlagħbet is-Sibt 22 ta’ Diċembru ġewwa Victor Tedesco Stadium, il-Ħamrun. Din il-partita kienet iffaċilitata mill-koordinatur sportiv tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin Manolito Micallef. Preżenti għall-partita kien hemm is-Sur Edgar Preca u uffiċjali tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Fil-ftuħ tal-partita, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li l-partita tal-lum hija okkażjoni biex jinġabru donazzjonijiet b’risq il-Malta Community Chest Fund Foundation. Huwa rringrazzja u sellem lil kull min ta s-sehem tiegħu sabiex tkun tistà ssir din l-attività ta’ solidarjetà.
“Dan huwa mod altruwist kif wieħed jaħseb u jgħin lill-proxxmu. Il-Korpi Dixxiplinati kollha qed jagħtu s-sehem tagħhom u jorganizzaw attivitajiet li jiġbru fondi b’risq l-Istrina. J’alla kull min jiġi fil-bżonn igawdi mis-servizzi li toffri l-Malta Community Chest Fund Foundation”, saħaq il-Ministru Michael Farrugia.
Il-President Coleiro Preca rringrazzjat lil kull min ipparteċipa f’din l-attività u tkellmet dwar kemm hu sabiħ li f’dawn iż-żminijiet jingħaqdu l-komunitajiet li jgħinu lill-proxxmu. Il-President semmiet kif il-Korpi Dixxiplinati kollha qed jgħinu sabiex jagħtu s-sehem tagħhom u jgħinu lill-Malta Community Chest Fund Foundation, billi jorganizzaw diversi attivitajiet. Il-President, filwaqt li rringrazzjat lil dawk kollha li għenu fis-snin li għaddew u fis-snin li ġejjin, qalet ukoll li din l-għajnuna hija evidenza u turija ċara tal-ġenerożità u tas-solidarjetà Maltija.
Jipparteċipaw għal din il-partita kien hemm bosta personalitajiet Maltin fosthom il-coach tan- Nazzjonal ta’ Malta Ray Farrugia, eks player nazzjonali u llum il-coach nazzjonali ta’ Malta taħt il-21 sena Silvio Vella, eks player nazzjonali Joe Zarb, eks players nazzjonali Carlo Mamo u Ian Ciantar, u eks goalkeeper nazzjonali Sean Sullivan.
Il-partita ntrebħet mit-tim kompost mill-personalitajiet magħrufa bi skor ta’ 5-4.
Is-somma finali mid-donazzjonijiet li nġabru mill-ispettaturi mad-dħul se tiġi ppreżentata lill-Malta Community Chest Fund Foundation waqt il-programm l-Istrina nhar is-26 ta’ Diċembru.