Isem Malta mhux ser jitla’ ‘l fuq jekk ma jkunx hemm parteċipazzjoni ta’ nisa f’kull qasam tas-soċjetà.
Iddikjara dan il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività organizzata mill-fergħa ta’ Nisa Laburisti, bit-tema il-‘Flessibilità fuq il-Post tax-Xogħol’ ftit jiem qabel mad-dinja tiċċelebra Jum il-mara.
Dr Abela stqarr: “Kollha kemm aħna nħobbu l-politika u l-pajjiż. Isem pajjiżna mhux se jitla’ ‘l fuq jekk ma jkunx hemm parteċipazzjoni ta’ nisa. Għandna bżonn aktar nisa bħala pajjiż fil-ħajja politika. Tkunux spettaturi. Kunu protagonisti.”
Il-Prim Ministru saħaq li filwaqt li jemmen bis-sħiħ fil-kapaċitajiet u l-kontribuzzjoni tan-nisa, ir-realtà konsistenti tul dawn l-aħħar 70 sena turi li l-parteċipazzjoni tan-nisa kienet waħda baxxa. Huwa sostna: “Inutli noqogħdu nanalizzaw ir-raġuni. M’għandniex naċċettawha iżjed. Mhux minħabba kwistjoni ta’ numru iżda għax konvinti li b’aktar parteċipazzjoni ta’ nisa fil-ħajja politika, il-valur u l-livell se jitla’ ħafna ‘l fuq.”
Robert Abela semma wkoll il-mekkaniżmu li se jkun qed jidħol fis-seħħ mill-elezzjoni ġenerali li jmiss fejn se jiżgura żieda sa 12-il siġġu mas-siġġijiet li jkun hemm f’dik il-leġiżlatura.
Il-Prim Ministru sostna: “Fl-elezzjoni ġenerali li jmiss, dawk se jkunu qed jimtlew min-nisa. Il-ħolma tkun li fl-elezzjoni ta’ wara, il-mekkaniżmu ma jintużax u f’ta’ wara jintuża għall-irġiel.”
F’din l-attività pparteċipaw diversi nisa li wħud minnhom faħħru bis-sħiħ id-diversi miżuri li Gvern Laburista ħa sabiex il-mara tibqa’ fid-dinja tax-xogħol.
F’kumment ma’ ONE News, is-Sindku ta’ Bormla Alison Civelli saħqet kif ir-riforma li ser ikun qed iwettaq dan il-Gvern ser tkun qed tgħin lil-mara tidħol fil-ħajja pubblika u politika.
Hija fissret: “Bosta miżuri u l-liġi u r-riforma li l-Gvern qiegħed iressaq ‘il quddiem se jkunu qegħdin jgħinu bis-sħiħ biex il-mara timbotta l-ambizzjoni tagħha timbotta lilha nnifisha biex tidħol fil-ħajja tax-xogħol u fuq kollox tidħol fil-ħajja pubblika u politika.”
Għal din l-attività attendew ukoll il-Ministri Julia Farrugia Portelli u Carmelo Abela u s-Segretarji Parlamentari Rosianne Cutajar u Clayton Bartolo u l-President ta’ ‘Nisa Laburisti’ Nikita Zammit Alamango li wkoll indirizzaw lin-nisa preżenti.