Il-Kummissjoni Ewropea ippreżentat l-aħħar rapport ta’ progress tagħha dwar l-iskemi ta’ rilokazzjoni u ta’ risistemazzjoni ta’ emerġenza tal-UE, li vvaluta l-azzjonijiet li ttieħdu sa mit-28 ta’ Settembru 2016.
B’1,157 persuna addizzjonali li ġew risistemati sa mill-aħħar rapport, l-Istati Membri komplew iwettqu l-impenji tagħhom sabiex jipprovdu mezzi legali għal persuni li jeħtieġu protezzjoni, li jġib it-total għal 11,852 – aktar minn nofs l-22,504 li sar qbil dwarhom skont l-iskema ta’ Lulju 2015.
Rigward ir-rilokazzjoni, ix-xejra ġeneralment pożittiva tul l-aħħar ftit xhur hija kkonfermata b’1,212 rilokazzjoni addizzjonali li seħħew matul il-perjodu ta’ rapportar. Madankollu, minkejja t-tnaqqis fuq żmien qasir minħabba ċirkostanzi speċifiċi, it-tnaqqis eċċezzjonali meta mqabbel mal-għadd kbir ta’ rilokazzjonijiet f’Settembru juri li għad hemm bżonn ta’ sforzi ulterjuri minn Stati Membri biex isostnu x-xejra pożittiva li ntlaħqet sa issa.
Il-Kummissarju għall-Migrazzjoni, l-Affarijiet Interni u ċ-Ċittadinanza Dimitris Avramopoulos qal: “Wara x-xejriet pożittivi li rajna kemm dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni wara s-sajf, issa hu l-mument li nżommuhom għaddejjin. Jiena nilqa’ l-ħidma li saret sa issa mill-Istati Membri fl-isforzi kollettivi tagħhom dwar ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni. Nixtieq nara għadd ta’ impenji, proċeduri rapidi u għadd stabbli ta’ rilokazzjonijiet kull ġimgħa. Jeħtieġ li jsir aktar, u b’mod rapidu, biex jiġu indirizzati l-wasliet dejjem jiżdiedu fl-Italja u l-bosta eluf maqbuda fil-Greċja. Wara sena b’dawn l-iskemi, nistennew lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex iwettqu l-impenn tagħhom u jkunu konformi bis-sħiħ mal-obbligi tagħhom.”
L-iskema ta’ rilokazzjoni ta’ emerġenza temporanja ġiet stabbilita f’żewġ Deċiżjonijiet tal-Kunsill f’Settembru tal-2015 li fiha l-Istati Membri impenjaw ruħhom li jirrilokaw sa 160,000 persuna mill-Italja u l-Greċja (u jekk ikun hemm bżonn minn Stati Membri oħrajn) sa Settembru tal-2017.
Fit-8 ta’ Ġunju tal-2015, il-Kummissjoni adottat proposta dwar Skema Ewropea ta’ Risistemazzjoni, li kienet segwita minn ftehim fost l-Istati Membri tal-20 ta’ Lulju għar-risistemazzjoni ta’ 22,504 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali.