Matul ix-xahar li għadda għaddew kważi nofs miljun passiġġier fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta.
F’xahar meqjus mhux daqstant b’saħħtu għat-turiżmu, Novembru wera li kien ir-raba’ l-aktar xahar din is-sena li l-mitjar ra l-akbar tkabbir.
In-numru ta’ passiġġiera li għaddew mill-ajruport ix-xahar li għadda fisser ukoll tmienja u punt sebgħa fil-mija aktar mill-istess xahar is-sena l-oħra.
Naturalment l-akbar żidiet ta’ passiġġiera li ra Novembru kienu ġejjin primarjament mir-Renju Unit, l-Italja, Franza u Spanja iżda s-suq mir-Renju Unit ra tnaqqis ta’ perċentwal filwaqt li Franza u Spanja raw żidiet qawwija.
Minkejja dan, aktar minn wieħed minn kull ħames passiġġiera li kienu fl-ajruport ta’ Malta kienu ġejjin mir-Renju Unit hekk kif qrib il-mija u għaxar t’elef kienu passiġġiera minn dan il-pajjiż.
Fi stqarrija l-ajruport internazzjonali ta’ Malta spjega wkoll li s-suq Taljan u Spanjol esperjenzaw tkabbir li jista’ jiġi attribwit għall-introduzzjoni tar-rotot ta’ Trieste u Santiagio de Compostela għall-istaġun.
Mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta hemm ukoll żewġ rotot oħra. Ir-rotta lejn u minn Paphos, Ċipru u lejn u minn Nis fis-Serbja.
Dawn iż-żewġ rotot flimkien ma’ dawk ta’ Trieste u Santiagio de Compostela kienu responsabbli għal ftit aktar minn għaxar t’elef erba’ mijja u sittin moviment tal-passiġġieri mit-traffiku totali ta’ Novembru.
F’Novembru kien hemm żieda wkoll fil-movimenti tal-ajruplani li laħqet kważi t-tliet t’elef moviment jew tmienja punt ħamsa fil-mija aktar meta mqabbel ma’ Novembru tas-sena l-oħra.
L-aktar jum impenjattiv għall-ajruport matul ix-xahar li għadda kien it-tieni ta’ Novembru.
Disgħa u sebgħin fil-mija tat-turisti li jżuru Malta jgħaddu mill-ajruport internazzjonali ta’ Malta u għaldaqstant dan jirriżulta fi traffiku ta’ madwar sitta punt tmienja miljun passiġġier fis-sena.