Il-gvern Brittaniku wissa dwar tfixkil sinifikanti fid-dawl tal-akbar strikes fil-pajjiż fl-aħħar deċċenju, liema strikes jinvolvu għalliema, sewwieqa ta’ ferroviji u tal-linja, u għad kbir ta’ ħaddiema tal-gvern.
Kelliem tal-Prim Ministru Rishi Sunak stqarr li dawn l-azzjonijiet industrijali se jagħmlu l-ħajja ta’ kuljum ta’ bosta persuni aktar diffiċli, u sar appell għal djalogu u negozjati.
Fost dawk li se jkomplu b’azzjonijiet ta’ strike, hemm kważi nofs miljun ħaddiema minn diversi faxex tas-soċjetà, li jixtiequ żidied fil-paga u kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar fid-dawl ta’ kriżi tal-għoli tal-ħajja.
Huwa stmat li fosthom hemm mat-tliet mitt elf għalliem, mitt elf ħaddiema tal-gvern, u ħmistax-il elf ħaddiema tal-ferroviji u tal-linja.
Dawk li qed jipprotestaw stqarru li ħafna minnhom qed jieħdu azzjoni kontra gvern li ma semagħhomx.