L-iskema Nazzjonali għall-ġbir ta’ skart riċiklabbli Green MT għada kif qassmet nofs miljun borża griża bla ħlas lill-Kunsilli Lokali minn fejn tiġbor l-iskart tal-ippakkeġġjar għar-riċiklaġġ. Kull familja fit-30 lokalita’ li minnha tiġbor l-iskart riċiklabbli tista’ tmur il-Kunsill Lokali u tiġbor sehmha biex tkun tista’ tkompli tissepara u tipparteċipa fl-impenn nazzjonali biex jikber is-separazzjoni tal-iskart mid-djar.
Il-boroz il-grizi li jinġabru direttament mill-Kunsill jingħataw b’xejn lill-familji skont in-numru ta’ ġabriet li jsiru f’kull lokalita’. L-għoti b’xejn tal-boroż griżi lil kull familja, flimkien mal-ġbir mid-djar imħallsa mill-Iskema fil-lokalitajiet huma żewġ inizzjattivi minn ħafna li kontinwament qed twettaq Green MT biex jikber l-għarfien u l-azzjonijiet ambjentali meħtieġa biex Maltin inaqqsu l-ammont ta’ skart li jiġġeneraw, jisseparawh iktar fid-djar u jintrema sew għar-riċiklaġġ.
B’dan il-mod, Green MT stqarret li qed tibqa’ impenjata biex tkabbar iktar l-għarfien dwar il-benefiċċji li wieħed jissepera, u b’hekk jonqos l-iskart imħallat fil-borża s-sewda li qed jintrema dirett fl-unika engineered landfill fl-Għallis li qed tintela’ b’rata mgħaġġla.
Green MT filwaqt li tirringrazzja l-Kunsilli Lokali li taħdem magħhom ta’ kuljum, tappella lill-pubbliku inġenerali biex il-qbil wiesa’ li hawn favur ir-riċiklaġġ jissarraf f’azzjonijiet konkreti u kull wieħed u waħda minnha jagħmlu l-parti tiegħu biex verament nieħdu ħsieb l-ambjent u saħħitna.