Nofs il-miżuri li tħabbru fil-Budget għal din is-sena li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Solidarjetà u l-Ġustizzja Soċjali, il-Familja u d-Drittijiet tat-Tfal se jkunu qed jidħlu fis-seħħ tul dan ix-xahar biex b’hekk igawdu minnhom il-poplu Malti u Għawdxi.
Ħabbar dan il-Ministru Michael Falzon wara li poġġa għal intervista ma’ ONE News sabiex jispjega l-ħidma ta’ dan il-Ministeru fl-2021.
Fil-fatt il-Ministru Falzon spjega kif il-qofol tal-ħidma ta’ dan il-Ministeru tintlaħaq fil-Budget li jitħabbar għas-sena ta’ wara u hawn propju aċċenna fl-effiċjenza ta’ dan il-Ministeru li jwettaq dak li jwiegħed.
Filwaqt li sostna li wħud mill-miżuri li tħabbru fil-Budget diġà daħlu fis-seħħ, sal-aħħar ta’ Jannar oħrajn se jiġu implimentati biex b’hekk ikun diġà twettaq nofs il-programm ta’ ħidma tas-sena.
Qal, “Prinċiparjament minnhom iż-żieda fil-pensjonijiet, iż-żieda fl-għajnuna supplimentari anzi dik daħħalniha qabel, saru l-pagamenti bil-quddiem, kellek miżuri oħrajn li inti tara kif tagħmel biex ittellaq il-proċess mill-ewwel. Li wieħed jieħu pjaċir jirrimarka dan il-Ministeru fl-aħħar snin dejjem irnexxielu jwettaq il-miżuri kollha li kien hemm fil-Budget. Jiġifieri ġeneralment qed nitkellmu li jkun hemm madwar 30 miżura għal dan il-Ministeru biss.”
Mistoqsi dwar l-andament ta’ ħidma fl-aħħar sena, il-Ministru Falzon tenna li din kienet waħda impenjattiva ferm. Dan fi sfond ta’ allokazzjoni rekord oħra ta’ fondi għal dan il-qasam sabiex ikompli jsostni lil dawk kollha li jiġu bżonn l-oqsma u s-servizzi soċjali.
Spjega, “Bla dubju kellna l-ftuħ taċ-ċentru tal-Ibwar, landmark l-ewwel darba għalina, kellna wkoll il-fatt li s-sena li għaddiet il-miżura tal-Budget ta’ dik is-sena daħħalna 860 persuna oħra jibdew jikkwalifikaw għall-pensjoni minħabba t-tibdil li għamilna f’dak li huwa l-kalkolu tal-bolli, miżuri oħra li ħa nkompluha din is-sena pereżempju.”
Għall-2022, il-Gvern alloka somma ta’ €1.8 biljun ewro. Fost oħrajn in-nefqa f’dawk li għandhom x’jaqsmu l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali, kontributorji u mhumiex u anke l-pensjonijiet tas-servizz, din se tkun qed titla’ għal biljun tliet mija u sebgħa u għoxrin miljun ewro. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn tliet mija u sebgħa u erbgħin miljun fuq in-nefqa li kien hemm fl-2012.
Għall-2022 l-akbar żieda hija dik fil-pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol, li bejniethom żdiedu bi kważi mitejn u tmenin miljun ewro. Fl-istess perjodu wkoll il-benefiċċji mhux kontributorji żdiedu bi ftit anqas minn ħamsa u għoxrin miljun ewro.