Aktar minn nofs il-Maltin li għandhom ‘il fuq minn ħamsa u sittin sena ħadu t-tieni doża tal-booster tal-vaċċin kontra l-Covid-19. Il-medja Ewropea fl-istess faxxa ta’ età hija biss tnax fil-mija, jiġifieri tmienja u tletin fil-mija inqas mir-rata f’Malta.
Dan qalitu s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, Charmaine Gauci, f’intervista ma’ ONE News. Hija appellat sabiex dawk li għandhom aktar minn ħamsa u sittin sena jaċċettaw l-istedina u jieħdu t-tieni doża tal-booster.
Hija spjegat li, bħalissa, is-sitwazzjoni tal-pandemija f’Malta hija waħda kalma minkejja n-numru ta’ infezzjonijiet fil-komunità. Dan huwa l-każ minħabba l-immunità li ġab miegħu il-vaċċin, u b’hekk biss il-Maltin u l-Għawdxin jistgħu jkomplu għaddejjin bil-ħajja tagħhom b’inqas biżà.
Stqarret li, li kieku ma kinux it-tilqima u l-booster, is-sitwazzjoni bħalissa kienet tkun differenti ferm.
Spjegat, “Qegħdin naraw li n-nies qed ikunu protetti minn sitwazzjonijiet fejn, meta persuna tkun pożittiva, ikollha inqas ċans li jkollha kumplikazzjonijiet jew li tidħol l-isptar, u qed naraw inqas imwiet meta tħares lejn ir-rata li għandna fil-komunità. Infatti, jekk tqabbel meta aħna ma kellniex il-vaċċin, naraw li fl-isptar kieku bħalissa b’din ir-rata li għandna fil-komunità, għandna ħafna aktar każijiet li jkollhom jidħlu l-isptar.”
Il-Professur Gauci fakkret ukoll fi studju li sar mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa, li sab li l-vaċċin evita mat-tmien mitt mewta f’pajjiżna.
Minkejja dan, il-persuni vulnerabbli xorta waħda għandhom jaraw li jżommu l-immunità tagħhom b’saħħitha kontra l-Covid-19.
Qalet, “Aħna nafu li l-immunità li tagħti l-vaċċin u l-protezzjoni li tagħti, wara ftit xhur tibda tonqos, u għalhekk huwa importanti li f’dan il-grupp ta’ nies ta’ ’l fuq minn sittin sena, issa għandhom jieħdu t-tieni booster.”
Bħalissa kull min qed jirċievi stedina biex jieħu t-tieni doża tal-booster jista’ jagħmel dan billi jżomm l-appuntament li jingħatalu mill-istedina. Jekk dan mhux possibbli, jew wieħed li għandu aktar minn ħamsa u sittin għadu ma rċeviex dan l-appuntament, jista’ jċempel fuq 145 u jsirlu l-appuntament.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika appellat lill-pubbliku sabiex, bħalma kkopera waqt l-agħar tal-pandemija, ikompli jagħmel hekk sabiex il-ħajja tal-Maltin u Għawdxin kollha tkompli miexja lejn in-normalità.
Qalet, “L-evidenza hija ċara ħafna: li l-booster qed tkompli tevita l-kumplikazzjonijiet, qed tkompli tevita n-nies milli jidħlu fl-isptarijiet, u anke qed tnaqqas miċ-ċans li persuna titlef ħajjitha minħabba l-Covid-19.”