“Bejn din is-sena u s-sena d-dieħla, diversi kumpaniji lokali u internazzjonali se jkunu nvestew nofs biljun ewro f’karrieri ta’ kwalità.”
Ħabbar dan il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela waqt id-diskors tiegħu fi sfond taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Partit Laburista f’Jum il-Ħaddiem fi Triq il-Merkanti, il-Belt Valletta.
Bit-tema ‘Bix-Xogħol, il-ġid għall-Maltin’ u quddiem folla sabiħa ta’ nies, il-Prim Ministru Robert Abela sostna li din il-festa hija għal dawk li verament iħobbu lill-ħaddiem.
Dr Abela spjega li tnax-il sena ilu, f’pajjiżna kellna mat-tmint elef Malti u Għawdxi bla xogħol. Però b’differenza għal-lum il-ġurnata, qed niċċelebraw bil-kbir l-opportunitajiet ta’ kwalità li ħoloq dan il-Gvern.
Fil-fatt dawn l-investimenti u oħrajn se joħolqu impjiegi ġodda f’setturi strateġiċi bħat-teknoloġija diġitali, is-settur tal-enerġija nadifa, il-manifattura avvanzata, manifattura tal-medical devices, il-farmaċewtika, u s-servizzi finanzjarji.
“Ħaddiehor tafu x’kien qallhom? Nilgħabu mħatra meta se tispiċċa l-manifattura f’pajjiżna. Ministru tal-Gvern dan ta ! Ara x’kuraġġ kienu jtuk. Tafu kemm se jinvestu dawn in-negozji u oħrajn?… Man-nofs biljun – jiġifieri 500 miljun ewro. Nofs biljun ewro għalikom il-ħaddiema ta’ dawn il-kumpaniji, li uħud minnkom qegħdin hawn magħna, u bis-saħħa ta’ dawn l-investimenti, fil-Budget li ġej nerġa’ niġi quddiemkom u nkomplu nqassmu aktar ġid ma’ kulħadd.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru sostna li Malta għandha l-aqwa riżorsa, ir-riżorsa umana, il-bżulija u l-ħila tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru tkellem dwar l-aspirazzjoni li għandu dan il-pajjiż permezz tal-Viżjoni Malta 2050. Viżjoni ċara li ma tarax biss it-tkabbir ekonomiku imma wkoll il-benesseri tal-ħaddiema u tal-familji.
Din hi l-viżjoni tagħna lkoll, ta’ poplu sħiħ, għax miktuba mill-poplu kollu. Viżjoni li ma tagħrafx bejn laburisti u nazzjonalisti, imma viżjoni ta’ poplu wieħed u magħqud. Irridukom tkunu protagonisti ewlenin fis-suċċess ta’ għada – għax nemmnu li l-isbaħ għal pajjiżna għadu ġej. Mindu dan il-pajjiż beda jitmexxa mill-poplu tiegħu, sirna pajjiż speċjali dan is-suċċess se nibqgħu ninvestuh fikom… il-familji u l-ħaddiema tagħna”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dr Abela sostna li dan kollu huwa possibbli għaliex għandna ekonomija li trendi u l-mobbiltà li nħolqot fis-suq tax-xogħol, teħtieġ il-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema barranin u għalhekk inħolqot il-Malta Labour Migration Policy.
“Ifisser ukoll, li b’dil-mobbiltà li nħolqot fis-suq tax-xogħol, għal ċerta setturi neħtieġu l-parteċipazzjoni ta’ ħaddiema li ġejjin minn pajjiżi oħra, li qed jagħmlu biċċa xogħol essenzjali ġewwa pajjiżna għax mingħajrhom – u din ngħidha mhux jien imma kull min iħaddem ġewwa pajjiżna – ċerta setturi jkollhom jagħlqu, u l-pajjiż ma jaffordjax jgħaddi mingħajr dawn is-setturi. Eżempju l-kura tal-anzjani tagħna u l-kostruzzjoni. Dawn imma huma l-isfidi tal-ġid li qegħdin nindirizzaw biex nimxu għal-livell li jmiss. Għalhekk ħloqna l-Malta Labour Migration Policy taħt it-tmexxija tal-Ministru Byron Camilleri, li nirringrazzjah tad-dedikazzjoni kbira tiegħu, li issa bdejna nimplimentaw.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm b’messaġġ b’saħħtu li dan huwa l-moviment tal-ħaddiema li se jibqa’ jġib il-bidliet biex il-familji jgawdu mis-suċċess ta’ pajjiżna. Primarjament bix-xogħol li jfisser ix-xogħol il-ġid ghall l-Maltin.
“Għalhekk irridu nibqgħu nemmnu f’dan il-moviment rebbieħ. rebbieħ għax bih igawdu: il-ħaddiema, il-pensjonanti, it-tfal, iż-żgħażagħ l-istudenti il-ġenituri, il-persuni b’diżabilità il-familji, l-akkademiċi, l-isportivi, il-professjonisti, l-artisti, in-negozji. Dawk kollha li jħobbu lil Malta u Għawdex tagħna, Malta li se tibqa’ miexja fil-progress ekonomiku u soċjali, Malta tagħna lkoll li tant inħobbu, Malta tal-ħaddiem, Malta li ħolqot ix-xogħol, bix-xogħol – il-ġid għall-Maltin u l-Għawdxin kollha”
Il-Prim Ministru Robert Abela