Waqt l-estimi finanzjarji għall-Ministeru għall-Ambjent, it-Tibdil fil-Klima u l-Ippjanar tħabbar li l-Gvern se jinvesti nofs biljun ewro fl-aqwa struttura ta’ l-immaniġġjar tal-iskart fuq livell internazzjonali, biex l-iskart isir riżorsa. Dan hu l-akbar investiment f’dan is-settur fl-istorja ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia semma wkoll kif dawn l-aħħar għaxar xhur kien affaċjat bi sfidi, iżda dejjem ħa d-deċiżjonijiet.
Qal kif, “Kienu għaxar xhur Madame Speaker ta’ deċiżjonijiet diffiċli. Il-kriżi tal-barrieri fl-ewwel ġimgħat ta’ ħidma tiegħi illi bilfors kellna kif insolvuha, solvejniha fi ftit jiem. Policies ġodda illi qed jirregolaw setturi ngħid jien kontroversjali.”
Il-Ministru semma wkoll l-iskema Irrestawra Darek, li permezz tagħha din is-sena tħallsu mat-tlieta punt tmien miljun ewro f’rifużjonijiet lill-applikanti. Hawn ħabbar ukoll li se jiġu allokati tliet miljun ewro oħra għall-dawk li ma laħqux applikaw.
Mill-2021 sidien ta’ djar u ħwienet jistgħu jibbenefikaw minn fond ta’ żewġ miljun ewro biex iwettqu tisbieħ fil-faċċati tal-bini tagħhom li jkun jikludi green walls.
Min-naħa tagħha, id-Deputat Laburista Miriam Dalli tkelmet dwar żewġ setturi importanti li fiż-żmien li ġej se jkomplu jiġu indirizzati sabiex l-ambjent Malti jkompli jitejjeb.
Spjegat li, “Irrid niffoka fuq dawn iż-żewġ setturi għax dawn huma żewġ setturi li fl-aħħar xhur sar ħafna xogħol dwarhom, dwar kif l-aħjar nistgħu nindirizzaw bilanċ: il-ħtiġijiet ambjentali; il-ħtiġijiet li ma jintefgħux spejjeż żejda fuq iċ-ċittadini; u il-ħtieġa li jingħata biżejjed żmien lill-industrija biex tkun tista’ tadatta ruħha.”
Hija qalet li dan il-budget kompla jindirizza ċertu sfidi b’numru ta’ miżuri fosthom għal transport aktar nadif. Dan apparti li l-budget irrefera wkoll għal green bonds u kif il-Borża ta’ Malta se tkun qed toffri pakketti finanajarji għal proġetti ambjentali.
Hija temmet tgħid li għandna fi żmien tajjeb biex nindirzzaw il-problemi ambjentali, u nsaħħu l-ħiliet tal-ħaddiema biex ikunu ppreparati għall-futur.