Noel Mifsud Bonnici, li safa aggredit min-numru ta’ partitarji Nazzjonalisti fil-Ħamrun waqt il-marċ ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, quddiem il-Qorti kkonferma kif l-aggressjoni nqalgħet minħabba l-preżenza tal-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Dan hekk kif il-Ġimgħa kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni b’rabta mal-istess każ u li għalih qed jidher l-akkużat Andrew Attard.
Attard ta’ 48 sena qed jiġi mixli li dakinhar allegatament weġġa’ gravi lil Noel Mifsud Bonnici, tant li l-vittma kellu bżonn jiġi operat f’siequ.
Fil-fatt, fis-seduta tal-ġimgħa xehed il-vittma stess, Noel Mifusd Bonnici, fejn spjega li dakinhar tal-marċ ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun, huwa tela’ waħdu, madankollu ltaqa’ ma numru ta’ ħbieb tiegħu. Flimkien magħhom kien hemm ukoll il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, l-imputat spjega wkoll kif ħin minnhom il-grupp iddeċieda li jmur jieħu xi ħaġa mill-Każin tal-Partit Nazzjonalista.
Mifsud Bonnici kompla jispjega kif huma u deħlin fil-Każin f’forma ta’ linja, hekk kif kien hemm ħafna nies, il-barman Manoel Attard, waqqaf lil min kien tiela’ għaliex ra lill-Kap Nazzjonalista dieħel fil-Każin. Ix-xhud spjega wkoll kif Paula Mifsud Bonnici kienet kellmet lill-istess barman u avżatu li kien ġej il-Kap.
“Bernard Grech kien diġà mar lura umiljat,” spjega Mifsud Bonnici hekk kif irrakkonta li eżatt wara qal lill-barman “għal-lum ħallejtha Manoel din?”
Kien hemm li x-xhud kompla jispjega kif l-argument eskala, biż-żewġ persuni joffendu lil xulxin. F’mument minnhom ix-xhur spjega wkoll li lill-barman qallu “Lil Mario Demarco biss tridu hawn?”.
Dan hekk kif in-nies fil-każin huma magħrufin għall-qrubija tagħhom mal-eks Viċi Kap Nazzjonalista Mario De Marco.
Mifsud Bonnici kompla jispjega kif umbagħad aggredewh żewġ persuni li minnhom seta’ biss jidentifika lill-akkużat, jiġifieri lil Andrew Attard. Ix-xhud spjega lill-persuna l-oħra ma rnexxielux jidentifikah.
Il-każ mistenni jkompli fis-17 ta’ Ottubru.