L-attakk fuq Mario De Marco huwa sinjal ta’ paniku fil-Partit Nazzjonalista. Kiteb dan il-ġurnalist ta’ esperjenza Noel Grima fil-kolonna tiegħu f’The Malta Independent bit-titlu “It’s not Mario de Marco only.”
Qal li issa li kulħadd irrealizza li l-elezzjoni ġenerali qiegħda biss sena bogħod u l-fatt li Simon Busuttil mhux fl-aħjar pożizzjoni biex jiġġielidha beda dieħel il-Paniku. Skont Grima kien dan li wassal għal sejħiet biex De Marco iżid fil-ħidma jew jitlaq.
Grima jinnota kif il-Viċi-Kap tal-Partit Nazzjonalista kellu jwieġeb b’intervista fit-Times of Malta u f’dawn l-aħħar jiem kien preżenti f’numru ta’ funzjonijiet fil-partit. Fl-artiklu tiegħu Noel Grima jinnota għaliex dabbar l-attakki De Marco u kiteb.
“Il-punt tiegħu hu li mhuwiex Mario De Marco biss li għandu personalita riservata jew xi kunflitt ta’ interess jew tnejn,” kiteb Grima. Qal li l-Partit Nazzjonalista dejjem kien Partit tal-avukati u llum l-avukati jiġu bħala uffiċċju iktar milli bħala individwu.
“Iġifieri mhux dejjem faċli li wieħed jgħid liema uffiċju qed jagħmel xogħol b’rabta maċ-ċittadinanza b’investiment u liema deputat huwa involut,” jgħid Grima fuq skema li l-Partit Nazzjonalista kritika tant iżda li jaqilgħu l-flus minnha hemm ditti legali ta’ uffiċjali ogħlja tal-Partit.
Noel Grima jinnota kif il-Partit Nazzjonalista għadu mimli b’dawk li jsejjaħ ‘leftovers’ mill-Kabinett ta’ Gonzi u jgħid li dawn qed iniżżlu l-isfel lill-Partit Nazzjonalista.
Finalment jgħid li dak li jsib ta’ tradiment u li ma jgħoġbux huwa l-kampanja ta’ tfesfis fil-widnejn li għaddejja dwar tmexxija ġdida f’każ ta’ telfa elettorali. “Ebda partit m’għandu jispiċċa f’din is-sitwazzjoni,” qal Noel Grima li nnota kif wieħed jista’ jgħid li sena qabel l-elezzjoni ġenerali bdiet kampanja elettorali.